Lokali

“Il-proposti tal-PN dwar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin huma f’waqthom” – Times of Malta

Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin għandha bżonn attenzjoni mill-aktar fis, mhux l-anqas minħabba l-iffullar li hemm fiha. U l-proposti tal-Partit Nazzjonalista huma f’waqthom bit-tama li jkunu indirizzati l-isfidi personali u fis-sistema.

Dawn l-inizjattivi mhux talli jservu biex niffukaw l-attenzjoni tagħna fuq suġġetti bħal dawn, iżda aktar importanti, iqajmu dibattitu nazzjonali bit-tama li l-Gvern tal-ġurnata jieħu azzjoni.

Hekk iddeskriva l-proposti tal-Partit Nazzjonalista l-Editur tat-Times of Malta meta kien qed jitratta s-sitwazzjoni preżenti fil-Ħabs, li qal li għandha tkun waħda ta’ dixxiplina iżda wkoll umana.

L-Editur jghid li l-Faċilità m’għandhiex tkun hemm biex naqflu lill-kriminal u narmu ċ-ċavetta, iżda aktar biex naraw li l-priġunier ikun kapaċi jagħti l-kontribut tiegħu fis-soċjetà wara li jiskonta s-sentenza li jingħata.

Fl-Editorjal ingħad ukoll li żgur li hemm mod kif iż-żewġ partiti politiċi l-kbar jiddiskutu dawn il-proposti qabel ma jieħdu pożizzjoni komuni, bis-sehem ukoll tal-esperti u tal-istakeholders kollha. Għax filwaqt li l-Ġustizzja titlob li persuna tiskonta s-sentenza li tkun ingħatat mill-Qorti, il-proċess jitlob ukoll li l-priġunier isir bniedem aħjar.

Il-ġurnal faħħar l-inizjattivi tal-Partit Nazzjonalista billi qal li huma bidu tajjeb ħalli jkunu indirizzati dawn l-isfidi, filwaqt li appella lill-Gvern biex jibda jagħmel xi ħaġa hu wkoll mill-aktar fis possibbli.