Reazzjoni anke mill-unions f’pajjiżna għall-aħħar żviluppi marbuta mal-kontijiet tad-dawl u l-ilma.
Fl-ewwel kummenti b’rabta ma’ dak li ġie żvelat mir-rapport tal-Awditur Ġenerali – u li qed jindika li l-kontijiet tad-dawl u l-ilma mhux qed jirriflettu verament dak li qed jużaw il-familji Maltin – żewġ entitatjiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lil min iħaddem insistew fuq l-importanza ta’ kontijiet trasparenti u ta’ xiri ta’ enerġija mill-orħos sors.
Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella stqarr ma’ NET News li jekk ikun hemm diskrepanza fil-kontijiet, din għandha tkun favur il-konsumatur u mhux favur min jipprovdi s-servizz.
Vella kkritika l-mod kif il-Gvern nefaq il-miljuni minn flus il-poplu f’investiment li spiċċa jiswa aktar lill-familji Maltin u Għawdxin.
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġeneral tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Ihaddem Joe Farrugia saħaq fuq il-ħtieġa li l-pajjiż jixtri l-enerġija mill-aktar sors irħis. Argument li issa ilu jagħmel il-Partit Nazzjonalista.
L-enerġija u l-prezz li jħallsu għaliha l-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin kienu l-bażi li fuqha l-Partit Labuirsta bena l-kampanja tiegħu fl-2013.
Ħamest ijiem wara dik l-elezzjoni, dak li kien il-Ministru ġdid responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi u dak li kien iċ-Chief of Staff ġdid f’Kastilja Keith Schembri fetħu żewġ kumpaniji sigrieti, li fihom kellhom idaħħlu €5,000 kuljum mill-proġett tal-Power Station li kienet għadha trid tinbena.
U wara li l-Partit Laburista biegħ lill-poplu l-ħrafa li kien se jraħħas il-kontijiet tad-dawl, kien l-istess Prim Ministru ta’ dakinhar, Joseph Muscat, li ammetta t-taħwid fil-kontijiet.
Illum – tliet snin wara – mhux talli dawk l-hekk imsejħa anomaliji ma tranġawx, talli l-familji Maltin u Għawdxin qed ikollhom jiġġieldu biex forsi ma jkomplux jinsterqu kuljum fil-kontijiet tagħhom.