Għaxar t’ijiem biss ‘il bogħod mill-bidu tas-16-il edizzjoni tal-Kampjonati Ewropej tal-UEFA, u fil-jiem ta’ qabel il-bidu ta’ dan it-turnament, ta’ kuljum qed ikomplu jintlagħabu aktar partiti ta’ ħbiberija. Illejla se jkunu fl-azzjoni xejn inqas minn ħames pajjiżi finalisti, b’tnejn minn dawn saħansitra se jkunu qed jilgħabu kontra xulxin.
Fis-6pm | Kroazja kontra Armenja
Il-Kroazja se tkun qed tilgħab l-ewwel logħba tagħha minn wara l-aħħar partita li lagħbet, f’Marzu li għadda kontra Malta. Dak in-nhar il-Kroati rebħu 3-0 iżda kellhom jitħabtu mhux ftit kontra l-iskwadra taħt it-tmexxija tal-kowċ Devis Mangia. Kontra l-Armenja, il-Kroati jibdew bħala favoriti, hekk kif din se tkun l-ewwel darba li dawn iż-żewġ pajjiżi se jilgħabu kontra xulxin. Ta’ min jinnota li preżentament, l-Armenja hi waħda mill-attrazzjonijiet l-aktar interessanti tal-futbol Ewropew, fejn rebħu dejjem fl-aħħar ħames partiti, inkluż kontra l-Maċedonja ta’ Fuq, l-Iżlanda u aktar riċenti r-Rummanija.
Fis-6pm | Slovakkja kontra Bulgarija
It-tim nazzjonali Slovakk, li f’Marzu li għadda ukoll lagħab kontra Malta u għal ftit ma tilifx il-partita ukoll, illum se jkun qed jilgħab l-ewwel minn żewġ partiti ta’ ħbiberija qabel il-bidu tal-Euro 2020, kontra l-Bulgarija. Wara d-dro ta’ 2-2 kontra Malta, is-Slovakki kienu rebħu 2-1 kontra r-Russja, biex għollew il-moral tagħhom. L-avversarji tagħhom, il-Bulgarija, li m’humiex wieħed mill-pajjiżi finalisti tal-Euro 2020, ilhom ħames partiti konsekuttivi ma’ jirbħu.
Fis-6pm | Maċedonja ta’ Fuq kontra Slovenja
Il-Maċedonja ta’ Fuq hu wieħed miż-żewġ pajjiżi li se jkun qed jagħmel id-debutt fil-fażi finali tal-Euro. Illum fis-6pm, din l-iskwadra se tkun qed tilgħab partita ta’ ħbiberija kontra s-Slovenja, wara li fl-aħħar ħarġa tagħha, fil-31 ta’ Marzu li għadda, kienet wetqet sorpriża kbira b’rebħa ta’ 2-1 kontra l-Ġermanja, fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li jmiss. Slovenja, m’humiex wieħed mit-timijiet finalisti tal-Euro 2020, iżda jinsabu fil-grupp ta’ Malta, għall-kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja li jmiss. Huma rebħu logħba minn tlieta, kontra l-Kroazja, iżda tilfu fit-tnejn ta’ wara kontra r-Russja u Ċipru rispettivament.
Fid-8:45pm | Polonja kontra Russja
Din il-partita għandha tkun waħda interessanti bejn żewġ pajjiżi li se jkunu fost l-24 tim finalist tal-Euro 2020. Il-Polonja għandhom ranking tal-FIFA ħafna aħjar minn tar-Russi u t-tnejn li huma ftit i xejn kellhom riżultati tajba fl-aħħar partiti li lagħbu. Immexxija mill-kowċ Portugiż, Paulo Sousa, il-Polonja qed jaspiraw li jkunu wieħed miż-żewġ timijiet li jgħaddu mill-grupp rispettiv tagħhom għal mal-aħħar sittax tal-Euro 2020. Fuq il-karta, l-iskwadra tal-iskorer prolifiku, Robert Lewandowski huma favoriti li javvanzaw fil-Euro 2020, ferm iktar milli huma favoriti li jagħmlu dan, ir-Russja.
Immexxija minn Stanislav Cherchesov, l-istess kowċ li kien fit-tmun tat-tim meta r-Russi waslu sal-kwarti tal-finali fl-aħħar Tazza tad-Dinja, ir-Russja se jkunu qed jilgħabu f’grupp, fil-fażi finali tal-Euro 2020, li ma jpoġġihomx fost il-favoriti li javvanzaw. Huma se jkunu qed jilgħabu fl-istess grupp tal-Belġju, Danimarka u l-Finlandja.
//= $special ?>