Ambjent Lokali

Itennu l-appell biex il-proġett ikun irrifjutat

Ma jistax ikun li jsir żvilupp industrijali f’zona barra mill-iżvilupp bħal din u b’qerda għall-uniku pulmun li fadal f’Ħal Farruġ.

Din hi r-reazzjoni tar-residenti ta’ din iz-zona, li qed jesprimu d-diżappunt tagħhom għall-fatt li l-proġett ta’ żvilupp ippjanat quddiem iz-Zona Residenzjali. Fosthom Kevin Bonanno, li tkellem ma’ NET News.

Ir-residenti ilhom għal dawn l-aħħar tliet snin jgħidu li l-iżvilupp mhux aċċettabbli wkoll għax hu protett bħala wied, iżda wkoll għax hu razzett li sal-applikazzjoni kien għadu qed jopera u allura ma jistax jinqaleb l-użu tiegħu.

Fil-fatt – bl-appoġġ ukoll ta’ għadd ta’ NGOs – ir-residenti ressqu l-ilment tagħhom bit-tama li jsalvaw dak li fadal minn din il-medda agrikola ta’ madwar 18,600 metru kwadru, fejn hu ppjanat li z-zona mibnija se tkun tammonta għal aktar minn 2,300 metru kwadru.

Wara li kienu nnutati dawn il-punti u oħrajn, l-iżviluppatur ċekken il-proġett, iżda għal darb’oħra l-Case Officer irrifjuta din l-applikazzjoni.

Għaldaqstant, Kevin tenna l-appell tar-residenti, li l-applikazzjoni għandha tiġi deċiża abbażi tar-regolamenti preżenti, fosthom dawk tekniċi ta’ żvilupp u rurali. Dan hekk kif qed jistennew id-deċiżjoni fis-seduta tal-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar skedata għall-Ħamis li ġej.

Ir-resident qal li huma jemmnu li jekk dan il-proġett jiġi approvat, ikun il-bidu tat-tmiem ta’ dan il-wied u ta’ widien oħra.

Tags