Lokali

“Kommess li naħdmu għal ekonomija b’saħħitha” – Bernard Grech

Il-Partit Nazzjonalista jinsab kommess li jaħdem qatigħ biex in-negozji żgħar u medji flimkien mal-konsumaturi ma jibqgħux jinsterqu u jsofru mill-inġustizzji li għal dawn l-aħħar snin spiċċaw iħabbtu wiċċhom magħhom b’serq ta’ miljuni ta’ ewro mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Barra minhekk, Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun ta’ xprun għal sistema ta’ taxxa aktar ġusta biex in-negozji Maltin u Għawdxin ma jkunux żvantaġġjati.

Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt żjara f’negozju tal-familja fin-Naxxar, fejn insista li l-ħidma ta’ dawn in-negozji għandha verament tissarraf f’investiment ta’ kwalità u ekonomija aktar b’saħħitha ħalli minnha jgawdi kulħadd.

Bernard Grech insista li din l-anomalija fil-kontijiet tal-ARMS qed tgħabbi lill-ħaddiema, lin-negożji u lill-konsumaturi b’piżijiet li żgur ma jifilħux għalihom. Hu saħaq li l-messaġġ li qed iwassal Gvern Laburista lil poplu Malti u Għawdxi hu li l-Gvern jagħmel li jrid, iżda ż-żgħir isofri l-konsegwenzi.

Għaldaqstant il-Kap tal-Partit Nazzjonalista insista li jinsab kommess li Gvern ġdid immexxi minnu jimplimenta sistema ta’ taxxa aktar ġusta ħalli jkun għajn ta’ ġid għall-familji Maltin u Għawdxin kollha.

Tags