EURO 2020 Sport

L-aktar seba’ żagħżagħ li se jispikkaw fil-Euro 2020

Hekk kif il-Euro 2020 sservi bħala pjattaforma fejn l-aqwa players fid-dinja juru t-talenti tagħhom, din il-kompetizzjoni tista’ wkoll sservi bħala vetrina fejn bosta player żagħżagħ jistgħu jiġbdu l-attenzjoni ta’ wħud mill-aqwa klabbs fl-Ewropa.

Joao Felix | Portugall

Fl-eta’ ta’ 21 sena, l-attakkant ta’ Atletico Madrid Joao Felix mistenni jkun player kruċjali fl-iskwadra tal-Portugall fejn flimkien ma’ Cristiano Ronaldo, Bernanrdo Silva u Bruno Fernandes, se jpoġġi liċ-champions renjanti tal-Kampjonati Ewropej fost il-favoriti.

Dejan Kulusevski | Żvezja

Minkejja l-istaġun deludenti ta’ Juventus, Kulusevski kien wieħed mill-aspetti pożittivi fl-iskwadra tal-Bianconeri fejn skorja fir-rebħa li Juventus fil-finali tal-Coppa Italia kisbu fuq Atalanta. L-attakkant ta’ 21 sena mistenni jkun l-attakkant prinċipali fit-tim Żvediż hekk kif Zlatan Ibrahimovic mistenni jitlef il-Euro 2020

Ryan Gravenberch | Olanda

Iż-żagħżugħ li ħareġ mill-akkademja ta’ Ajax se jkun qed jittama li jħalli impatt b’saħħtu fl-iskwadra tal-Olanda. Gravenberch rebaħ żewġ kampjonati fl-Olanda kif ukoll it-Tazza tad-Dinja ta’ taħt is-17-il sena.

Eljif Elmas | Maċedonja

Il-midfielder ta’ Napoli żgur se jkun strumentali minħabba l-esperjenza tiegħu f’wieħed mill-kampjonati ewlenin fl-Ewropa hekk kif il-Maċedonja se jkunu qed jagħmlu d-debutt tagħhom f’din il-kompetizzjoni. Il-player ta’ 21 sena kien ukoll rebaħ l-unur tal-player tas-sena tal-Maċedonja fl-2019.

Phil Foden | Ingilterra

Wara l-istaġun mill-aqwa li kellu ma’ Manchester City, il-midfielder ta’ 20 sena Phil Foden mistenni jkun ewlieni fl-iskwadra ta’ Gareth Southgate minħabba l-kreattività li dan il-player iġib fit-tim Ingliż

Pedri | Spanja

Kuntrarju għal bosta players ta’ Barcelona li jkunu prodott ta’ La Masia, Pedri ngħaqad ma’ Barcelona mingħand Las Palmas fejn lagħab 37 partita fil-La Liga fl-ewwel staġun tiegħu. Il-midfielder ta’ 18-il sena li qed ikun mqabbel ma’ Xavi u Iniesta sar it-tieni l-iżgħar player Spanjol li laħaq il-50 partita u mistenni wkoll jkun pedina importanti fit-tim ta’ Luis Enrique.

Dominik Szoboszlai | Ungerija

Il-midfielder Ungeriż huwa meqjus bħala wieħed mill-promessi tal-futbol Ungeriż hekk kif il-kowċ Marco Rossi se jkun qed jittama li Szoboszlai jkun jista’ jilgħab fil-Euro 2020 wara li ilu ma jilgħab minn Jannar li għadda minħabba injury fil-groin