Lokali Qorti

L-istat diżastruż fil-Qorti ta’ Għawdex iwassal biex Avukati ma jkomplux bix-xogħol tagħhom

Minħabba l-istat diżastruż numru kbir ta’ Avukati li jaħdmu fil-Qorti ta’ Għawdex iddeċidew li ma jkomplu bix-xogħol tagħhom u ftehmu li sakemm ma jkunx hemm titjieb tas-sitwazzjoni huma mhumiex se jkomplu jaqdu d-doveri tagħhom f’sitwazzjoni diżastruża.

Dan wassal biex numru kbir ta’ kawżi t-Tlieta ġew differiti wara verbal li sar li wera f’liema stat tinsab is-sitwazzjoni ġudizzjarja f’Għawdex li qed twassal ukoll biex numru ta’ ħaddiema għamlu talba biex jiġu trasfertiti mill-Qorti u jmorru jaħdmu x’imkien ieħor. Minbarra l-avukati u l-ġukdikanti l-istaff ukoll qed iħoss id-daqqa fejn in-nuqqas ta’ staff li fost oħrajn jinkludu marixalli qed joħloq kaos fejn ta’ spiss mhux qed jinstabu files ta’ xhieda u rikorsi li ma jinstabux qed jagħmilha impossibbli li dawn ikompliu bix-xogħol tagħhom.

Huma 20 avukat li għamlu verbal konġunt fejn semmew diversi problemi li qed tiffaċċa l-Qorti ta’ Għawdex fejn qegħdin jitolbu li n-nuqqasijiet amministrattivi jiġu rranġati. Fil-fatt il-kawżi kollha li kellhom jinstemgħu quddiem il-Maġistrat Simone Grech ġew differiti.

Il-verbal jgħid li t-taħkiriet mhumiex qegħdin jiġu proċessati, kif l-istess qed jiġri fid-dokumenti kollha, fosthom rikorsi, risposti u noti. It-traskrizzjonijiet mhumiex qegħdin isiru fil-ħin u lanqas mhuwa aċċettabbli li dawn isiru minn avukati li jidhru quddiem l-istess Qorti.

Huma lmentaw ukoll mill-fatt li l-proċessi u d-dokumenti qed jintilfu mis-sistema msejjħa Lecam, li suppost xogħolha hu li tintraċċa d-dokumenti. Qalu wkoll li xejn mhuwa jiġi skennjat, u li d-digrieti mhumiex qegħdin jiġu komunikati mill-ewwel, kif kien isir qabel.

Problema kbira oħra hija li d-Deputati ma jistgħux jaħdmu peress li ma hemm l-ebda ħaddiem fir-reġistru, l-avukati qed ikollhom jirrikorru fis-sigrieta u jitolbu dak li jkollhom bżonn direttament lid-deputati,  meta l-istess proċessi jkunu għadhom fir-reġistru, u mhux fis-sigrieta.

Il-verbal jgħid ukoll li d-Deputati qed jiġu nfurmati mill-avukati li hemm rikorsi pendenti u jkollhom huma stess ifittxu fil-munzell ta’ atti sabiex jsibu r-rikorsi u jgħadduhom lill-ġudikant. Għal dawn ir-raġunijiet u ħafna oħrajn id-deputati u ħaddiema oħra qegħdin jitolbu li jiġu trasferiti minn mal-Aġenzija tal-Qorti.

Sadanittant fil-Qorti ta’ Għawdex ma jeżistiex Assitent Reġistratur u għalhekk hemm problemi oħra kif qed jiġu proċessati l-mandati, tant li l-mandati urġenti bħal dawk ta’ sekwestru, jdumu ferm biex jgħaddu għand il-ġudikant. Ingħad ukoll li jeżistu nuqqasijiet fis-sistema elettronika, tant li s-seduta quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud ta’ nahr it-Tnejn, damet aktar minn nofs siegħa biex tibda. Jeżistu wkoll nuqqasijiet kbar fil-kommunikazzjoni permezz tal-internet tant li l-website tal-Qorti lanqas biss hija aċessibbli mill-Qorti stess.

Il-verbal isemmi wkoll in-nuqqasijiet serji li hemm fil-binja tal-Qorti li ġew identifikati f’rapporti separati ,li għadhom kemm tlestew mill-Kummissjoni għall-persuni b’Diżabilità u mill-Awtorità tas-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol. Fid-dawl ta’ dan kollu l-Avukati qalu li qed jinfurmaw lill-Qorti li sakemm ikun hemm risposti ċari dwar kif u meta se jiġu rimdejati dan in-nuqqasijiet biex ix-xogħol ikun jista’ jimxi b’mod normali, qed jieħdu azzjoni b’effett immedjat li ma jattendux għas-seduti fil-Qorti ta’ Għawdex.

Qalu li dan mhux qed isir b’disprezz lejn l-Awtorità tal-Qorti, jew il-klijenti tagħhom, iżda għax jemmnu li dan biss huwa l-uniku mod, li l-klijenti, huma u l-ħaddiema ta’ Għawdex u l-Maġistrati li jppresiedu l-Qorti ta’ Għawdex, biex jiġu ndirizzati l-problemi f’qasir żmien biex is-sistema tal-Ġustizzja f’Għawdex tkun tista’ taħdem b’mod normali.

L-Avukati talbu biex dan il-verbal jiġi kommunikat lill-Prim Imħallef, lill-Kamra tal-Avukati, lill-Ministru tal-Ġustizzju, lill-Kap Eżekuttiv Euenice Fiorini Grech, lid-Direttur Ġenerali Mary Debono Borg u lill-Ministru għal Għawdex għal kull interess.