Raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq akkużi ta’ aggressjoni, swat u feriment gravi fuq is-sieħba tiegħu. Ir-raġel ta’ 38 sena minn Ħal-Ħal Luqa, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-qorti, tressaq quddiem il-maġistrat Josette Demicoli akkużat li kkawża ġrieħi gravi fuq diversi partijiet tal-mara, kif ukoll li insulenta lis-sieħba tiegħu, heddidha u qabeż il-limiti tal-provokazzjoni.
L-ispettur Eman Hayman qal lill-qorti li l-vittma kienet marret l-għassa tal-pulizija bi ġrieħi f’wiċċha. Hija ntbagħtet l-isptar, fejn il-ġrieħi tagħha ġew ikklassifikati bħala ta’ natura gravi. Il-mara qalet li kien l-akkużat li kkaġunahom u mill-ewwel il-pulizija arrestat u akkużat lir-raġel.
L-Avukat Franco Debono, li deher għall-akkużat, qal li l-klijent tiegħu mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih u talab għal-libertà proviżorja. Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest. L-Avukat Yanika Bugeja, dehret parte civile għall-vittma, li kienet preżenti għas-seduta bil-ponti taħt għajnejha u tbenġil fuq driegħha.
Bugeja, iddettat nota lill-qorti, li tgħid li f’dan l-istadju, il-klijent tagħha xtaqet taħfer lill-akkużat iżda għamlitha ċara li minkejja dan, jekk jingħata l-libertà proviżorja, l-akkużat għandu jirrisjedi f’indirizz separat. L-Ispettur Hayman żied li r-raġel kellu rekord kriminali u li kien imħasseb dwar il-kontaminazzjoni tal-provi.
Preċedentement, il-mara kienet talbet lill-pulizija biex isibulha post sigur, iżda issa kienet qed taħfirlu. “Dan huwa miraklu, jew il-kontaminazzjoni diġà bdiet,” kienet l-osservazzjoni tal-Ispettur. Il-qorti, wara li semgħet is-sottomissjonijiet magħmula mill-partijiet, qalet li fiċ-ċirkostanzi għandha tagħti l-pleġġ.
Ħarġet ukoll ordni ta’ superviżjoni temporanja u ordni ta’ protezzjoni favur il-mara. Il-qorti laqgħet talba għal projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni ta’ isem l-akkużat biex jipproteġi l-minuri involuti fil-każ. L-akkużat ġie ordnat jiddepożita l-passaport tiegħu fi żmien 24 siegħa u jiffirma ktieb fl-għassa tal-Pulizija tliet darbiet fil-ġimgħa, kif ukoll josserva curfew.
Il-libertà proviżorja tiegħu ġiet assigurata b’depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ € 9000. L-Ispettur Eman Hayman mexxa l-Prosekuzzjoni filwaqt li l-avukati Franco Debono, Marion Camilleri u Francesca Zarb deheru għall-akkużat.
//= $special ?>