EURO 2020 Futbol Sport

Southgate iħabbar l-iskwadra finali llum | Alexander-Arnold mistenni jitħalla barra

Trent Alexander-Arnold fl-azzjoni mal-Ingilterra

Aktar tard illum, matul il-ġurnata, Gareth Southgate se jkun qed itemm l-istennija ta’ bosta, u sa fl-aħħar se jħabbar l-iskwadra finali ta’ 26 plejer għall-Euro 2020. Fl-aħħar sigħat, diversi rapporti persistenti fil-media Brittanika, kollha qed jindikaw u jbassru li Trent Alexander-Arnold, se jkun qed jitħalla barra mis-selezzjoni finali ta’ Southgate.

Il-bieraħ filgħaxija, l-aġenziji ewlenin tal-aħbarijiet sportivi fl-Ingilterra, irrimarkaw li tkun xi tkun l-għażla ta’ Southgate dwar Alexander-Arnold, id-difensur ta’ 22 sena li jilgħab ma’ Liverpool se jkun qed jisraq l-attenzjoni xorta waħda. F’Marzu li għadda, Alexander-Arnold tħalla barra mill-iskwadra Ingliża għall-partiti mill-grupp ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja li għandha ssir fil-Qatar.

Madankollu l-prestazzjonijiet riċenti ta’ żewġ plejers oħra fl-iskwadra Ingliża, u li jilgħabu fl-istess rwol ta’ Alexander-Arnold, ċioé id-difensuri ta’ fuq il-linja tal-lemin, Reece James ta’ Chelsea u Kyle Walker ta’ Manchester City, tagħmilha diffiċli ħafna li dawn it-tnejn ma jkunux magħżula minn Southgate. Apparti minn hekk, kemm James kif ukoll Walker, huma abbli sabiex mhux biss jilgħabu mal-linja iżda anke ċentrali, b’difiża li tinkludi biss, tliet difensuri ċentrali.

Fl-istess waqt, wieħed ma jistax jeskludi lid-difensur Kieran Trippier, li dan l-istaġun kellu sehem importanti biex fi Spanja, Atletico Madrid rebħu La Liga. Għaldaqstant l-indikazzjonijiet huma indikattivi biżżejjed sabiex juru li mill-iskwadra proviżorja ta’ 33 plejer, wieħed mis-seba’ plejers li se jkunu esklużi minn Southgare llum x’aktarx se jkun Alexander-Arnold.

Harry Maguire

L-għażliet li se jkun qed jagħmel illum Southgare ma kienux faċli, anke għaliex il-kowċ nazzjonali Ingliż baqa’ jistenna sal-aħħar biex jara jekk titjibx il-kundizzjoni fiżika ta’ diversi plejers li huma meqjusa importanti fl-iskwadra. Wieħed minn dawn il-plejers hu d-difensur ċentrali, Harry Maguire li għadu qed jirkupra minn injury fil-ligamenti ta’ siequ. L-istess rapporti fil-media Brittanika qed jindikaw li x’aktarx Maguire ikun magħżul minn Southgare, u kemm il-darba dan ikun il-każ, allura plejers bħal Ben White u Ben Godfrey, ikunu fost is-seba’ plejers esklużi mill-iskwadra finali. Bl-istess mod, Tyrone Mings jew Conor Coady, ukoll tmutilhom il-ħolma ta’ parteċipazzjoni fil-Euro 2020.

Plejers oħra mill-iskwadra proviżorja li għandu s’issa Southgate, u li qed jirriskjaw li ma jibqgħux mal-bqija tal-iskwadra Ingliża huma Mason Greenwood u Ollie Watkins, flimkien mal-plejers ta’ nofs il-grawnd, Jesse Lingard u James Ward-Prowse. B’ċertezza ukoll, hu mistenni li Southgate iwaqqa’ wieħed mill-erba’ gowlkipers fl-iskwadra proviżorja tiegħu, biex finalment jieħu tliet goalkipers għall-Euro 2020. L-għażla tal-liema se jkun dak il-gowlkiper li jitneħħa mill-iskwadra, mistennija tkun bejn Aaron Ramsdale u Sam Johnstone.