It-total ta’ turisti li ġew f’pajjiżna matul ix-xahar ta’ April 2021 ammontaw għal 10,184 fejn madwar 6,500 minnhom ġew għal btala filwaqt li 2,526 turist ġew għal skopijiet ta’ xogħol. It-total ta’ ljieli mqattgħin matul dan ix-xahar, ammontaw għal 175,606 b’medja ta’ ftit aktar minn 17-il lejl għal kull turist bil-maġġoranza tagħhom ikunu persuni li krew propjetà minflokk marru f’lukandi.
L-istatistika tax-xahar ta’ April 2021 ma setgħetx tiġi kkumparat ma tas-sena 2020 għaliex f’pajjiżna ma kienu ġew ebda turisti. Dan filwaqt li meta mqabbel mas-sena 2019, it-tnaqqis ta’ turisti kien wieħed ta’ aktar minn 230,000 għax-xahar ta’ April/
Il-maġġoranza tat-turisti li ġew f’pajjiżna kellhom età ta’ bejn 25 u 44 sena. Dawn ammontaw għal preċiżament 50.5% tat-turisti kollha li żaru Malta u Għawdex tul ix-xahar ta’ April. Malta kienet destinazzjoni popolari għat-turisti Taljani li ammontaw għal aktar minn 40% tal-10,184 li ġew f’pajjiżna.
Intant, fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2021, it-total ta’ turisti li ġew Malta ammontaw għal 43,433 li fisser tnaqqis ta’ 88.3% fuq l-istess perjodu meta mqabbel mal-2020. Dan jikkuntrasta wkoll mal-2019 meta fl-ewwel 4 xhur ta ‘dik is-sena kienu ġew f’pajjiżna aktar minn 670,000 persuna li l-maġġoranza tagħhom kienu mir-Renju Unit, pajjiż li minnu rajna wkoll ħafna turisti matul is-sena 2020 iżda tnaqqis kbir fl-2021 li ammonta għal 98.3% tnaqqis.
F’dan il-perjodu, l-iljieli totali mqattgħin mit-turisti naqsu b’71.7%. In-nefqa turistika totali kienet stmata għal €39.3 miljun, li wkoll fissret tnaqqis sostanzjali ta’ 82.5% meta mqabbel mal-istess perjodu fis-sena ta’ qabel.
//= $special ?>