Lokali

“Paġna ġdida għal pajjiżna li tħares lis-soċjetà kollha u lil Malta” – Bernard Grech

“L-inqas li għandu jagħmel Robert Abela hu li jkeċċi lill-Ministru Abela mill-Kabinett sakemm il-Pulizija tlesti l-investigazzjoniet tagħha….. pajjiżna ma jistax ikollu Ministru b’dell daqstant tqil fuq rasu li jħalli dell ikrah fuq ir-reputazzjoni ta’ Malta.”

Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tul sensiela oħra ta’ mistoqsija u tweġiba li kienet preżentata minn Rebecca Toutongi hekk kif il-Prim Ministru baqa’ ma ha ebda azzjoni fil-konfront ta’ Carmelo Abela.

Il-Kap tal-PN tkellem dwar is-sitwazzjoni fil-Ħondoq fil-Qala Għawdex, hu qal li l-PN jħares lejn l-isfidi u jagħmilhom opportunitajiet biex fuq kollox iħares l-interess tal-poplu Malti u Għawdxi.

“Mhux biss irridu li tmur lura għand il-poplu Malti, imma nixtruha lura u ssir tal-Maltin u l-Għawdxin kollha iżda nagħmluha park nazzjonali”

Dwar is-settur tas-saħħa mentali, Bernard Grech stqarr li fil-ġimgħat li ġejjin il-PN se jkun qed joħroġ pjan li jħares lejn is-sitwazzjoni b’mod ħolistiku.

“Fil-ġimgħat li ġejjin se noħorġu pjan li jħares lejn is-sitwazzjoni tas-saħħa mentali b’mod ħolistiku, il-pjan tagħna se jkun qed iqis kollox b’mod speċjali anki se jsir mill-isptar Monte Karnmeli”

Kien hemm uħud  li saqsew dwar dan is-saħħa, b’Bernard Grech jispjega li bħala poplu ma rridux ninsterqu, b’referenza għal skandli li seħħew fl-aħħar snin li qed jolqtu lil ħafna kemm direttament u kif ukoll indirettament.

“Gvern Nazzjonalista mmexxi minni mhux se jħallik tmur tittallab, għax jibża’ għalik, għax jemmen fid-dinja tiegħek li għandha tiġi ‘l quddiem”

“Anki jekk minoranza għall-PN dawn huma persuni u għandhom valur u dinjità, il-kura trid tingħatalhom, kif? Billi nirrankaw il-flus, billi ma nħallux politika maħmuġa tirrenja u hemm ikollna biżejjed flus biex inħarsu lill-persuni li jbatu mill-fybromalgia u mard ieħor”

Bernard Grech tkellem ukoll dwar l-ammonti sostanzjali ta’ flus li l-familji u n-negozji għandhom jieħdu lura wara li nsterqu mill-Gvern Laburista fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. U Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun jista’ jagħti l-flus lura billi, fost l-oħrajn, jara li l-pajjiż ma jibqax marbut mas-sors li qed juża’, iżda jibda juża’ l-orħos sors – l-Interconnector.