Enerġija Lokali Parlament

Apap Bologna sieket dwar ir-riżenja mill-Electrogas u dwar żjarat f’Baku ma’ Yorgen Fenech

L-ex direttur tal-Electrogas Paul Apap Bologna baqa’ sieket u ma weġibx dwar ir-riżenja minn Electrogas ftit ġimgħat ilu propju wara li kien żvelat li ħeba l-kumpanija tiegħu Kittiwake fl-Emirati Għarab Magħquda u dwar żjarat f’Baku ma’ Yorgen Fenech.

Quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) iċ-Chairman u deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami nforma lill-PAC li d-direttur ta’ Nexia BT Brian Tonna fetaħ rikors kostituzzjonali fil-konfront tal-Ispeaker u taċ-Chairman tal-PAC.

Fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi llum kompla jixhed Paul Apap Bologna, ex direttur tal-Electrogas, li kien assistit mill-Avukat Gianella de Marco.

Paul Apap Bologna qal li Electrogas twaqqfet fl-20 ta’ Ġunju 2014 għall-prezz ta’ €40 miljun wara trasferiment minn kumpanija oħra tal-Enemalta.

GEM Holdings Ltd twaqqfet fit-8 ta’ Mejju 2013 waqt li l-kumpanija New Energy, fejn Yorgen Fenech għandu l-ishma, twaqqfet fit-2 ta’ Mejju 2014. Apap Bologna rrifera għall-kuntratt Project Service Agreement ta’ €2.5 miljun bid-data tal-1 ta’ Ġunju 2014 u qal li dan kien ftehim ma’ Yorgen Fenech wara diskussjonijiet ma’ Gasan Group u ma’ Apap Bolgona dwar is-servizzi li hu kien qed joffri.

Hu qal li s-success fees għar-rebħ tal-power station tħallas mill-Electrogas u spjega li

L-Avukat de Marco oġġezzjonat għall-mistoqsijiet tad-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina biċ-Chairman isostni li l-Avukat de Marco ma kellhiex dritt toġġezzjona għall-mistoqsijiet u għalhekk kellha tieqaf. L-Avukat de Marco u d-deputat Karol Aquilina għaddew kummenti fil-konfront ta’ xulxin fejn sostnew li huma mhux se jiġu “bullied ” minn xulxin. Għal kumment tad-deputat Laburista Ian Castaldi Paris, ix-xhud qal li qed iħossu intimidat minn din is-sitwazzjoni.

Ix-xhud qal li GEM ħallsu €1 miljun lill-kumpanija New Eenergy għal servizzi provduti. Beppe Fenech Adami kkummenta kif jirriżulta li l-kumpanija GEM qed tirrikonoxxi lil Yorgen Fenech li għamel l-interfacing mal-awtoritajiet meta tliet ġimgħat qabel il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech New Energy lanqas kienet teżisti.

L-Avukat de Marco oġġezzjonat għal mistoqsija dwar ir-rġaunijiet għaliex ix-xhud irriżenja minn direttur tal-kumpaniji Electrogas biċ-Chairman jistaqsi lill-membri tal-kumitat jekk iridux li din i-mistoqsija tkunx riferuta lill-Ispeaker.

L-ebda membru tal-PAC ma qabel li din il-mistoqsija tkun riferuta lill-Ispeaker u għalhekk id-deputat Karol Aquilina kompla bil-mistoqsijiet tiegħu bix-xhud iwieġeb li kien irriżenja minn direttur fit-12 ta’ Mejju 2021 u minn direttur ta’ GEM Holdings.

Paul Apap Bologna oġġezzjona li jwieġeb jekk kienx imġiegħel jirriżenja, jekk iltaqa’ il-Brod tad-diretturi tal-kumpanija, jekk kitibx ittra ta’ riżenja, x’kiteb fiha, jekk inkitbitx ittra lilu u x’ġara fil-ġranet meta irriżenja.

Hu ma weġibx lanqas dwar l-aħbar żvelata fid-9 ta’ Mejju 2021 bl-aħbar li hu s-sid tal-kumpanija Kittiwake li hi mwaqqfa fl-Emirati Għarab Magħquda, li hu ħeba li kien is-sid tal-kumpanija dwar l-irwol għandu fiż-żewġ kumpaniji.

Il-€1 miljun li tħallset New Energy ġew mill-faċilità bankarja, xehed Apap Bologna, li kompla li din hi proċedura normali fil-proġetti iżda ma jafx b’każ li seħħ. Dwar il-proġett hu ltaqa’ 20 darba ma’ Gasoil f’Londra u ma’ banek internazzjonali f’Londra u f’Malta. Ix-xhud qal li f’Malta l-laqgħat saru f’lukandi u ma ftakarx jekk laqgħa minnhom saritx f’Kastilja propju fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Paul Apap Bologna qal li mill-2013 kien iddiskuta l-għajnuna finanzjarja għall-proġett f’Kastilja flimkien ma’ Yorgen Fenech iżda ma ftakarx min kienu l-persuni l-oħra. Ix-xhud kompla li kien siefer l-Ingilterra ma’ Yorgen Fenech iżda ma weġibx jekk marx Baku miegħu għalkemm hu kien mar Baku. Għal iktar mistoqsijiet dwar x’mar jagħmel Baku u jekk marx jara l-football ma’ Yorgen Fenech, l-Avukat de Maro oġġezzjonat għal dawn il-mistoqsijiet.

Ix-xhud kompla li f’Baku kien mar it-tieġ ta’ Turab Musaiev, li hu direttur tal-Electrogas ma’ Yorgen Fenech. Hu ma ftakarx min kienu l-Maltin l-oħra u ma weġibx jekk għadux imur Baki kull sena.