Il-Ministru Carmelo Abela llum fil-parlament ma weġibx għall-isfida mill-PN biex jffaċċja lill-aħwa Degiorgio li qed isostnu li hu kien involut fl-attentat ta’ hold-up fl-HSBC u ma ċaħadx li kien ta r-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru Robert Abela.
Fil-parlament llejla d-deputat Nazzjonalista David Thake rrifera għall-gazzetti tal-lum fejn hemm rapport dwar l-ittra li nktibet lill-Kummissarju Ewropej dwar l-allegat involviment tal-Ministru Abela f’attentat ta’ hold-up f’bank u staqsa jekk f’ġieħ l-integrità tal-gvern, tal-parlament u tal-isem tal-pajjiż l-Ministru Abela jħossx li l-pożizzjoni tiegħu mhix tenibbli u jekk hux se jagħmel libell lill-aħwa Degorgio.
Għaliex għandek diffikultà tiffaċċja lill-aħwa Degiorgio; għax hemm ir-reputazzjoni tiegħek u ta’ pajjiżna fin-nofs!, irrimarka David Thake, li sostna li l-parlament għandu dritt ma jkollux dellijiet.
Il-Ministru Carmelo Abela qal li din hi gidba fabbrikata ta’ storja ineżistenti 11-il sena wara li ġrat. Hu sostna li kien fetaħ libell lil min akkużah dwarha u kien se jieħu l-pariri.
Jien ma nitkellimx mal-kriminali; jien nibqa’ niġġieled mal-kriminali u nieħu l-pariri dwar il-pożizzjoni tiegħi, sostna l-Ministru Carmelo Abela.
Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Ministru Abela għajjar żibel u kriminali lill-Oppożizzjoni u sostna li dan mhux aċċettabbli u għalhekk għandhom ikunu irtirati.
L-Ispeaker qal li kull kelma li ntqalet mid-deputati jridu jkunu irtirati kemm mill-Gvern kif ukoll mill-Oppożizzjoni.
Id-deputat Nazzjonalista David Thake qal li huma kienx qed jirreferi għall-Ministru Carmelo Abela waqt li l-Ministru Abela qal li ma kellu porblema jirtira l-kliem li hu jħoss li mhux xieraq. Hu sostna li l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-Ministru Abela huma serji ħafna iżda s’issa għadu ma għamilx libell lill-aħwa Degiorgio.
Il-Viċi-Kap tal-Oppożizzjoni David Agius ressaq point of order fuq l-allegazzjonijiet tal-Ministru Carmelo Abela u sostna li Carmelo Abela għandu jispeċifika dwar liema deputati tal-PN jiltaqgħu mal-kriminali.
Il-Ministru Abela wieġeb li hu kien qed jirreferi għal elementi mill-Oppożizzjoni.
Mistqosi jekk offriex ir-riżenja tiegħu wara r-rapporti tal-lum, il-Ministru Carmelo Abela qal li hu jitkellem mal-Prim Ministru fuq kull ħaġa li jħoss.