Lokali

F’ittra lill-UE l-aħwa Degiorgio jorbtu lil Chris Cardona u Carmelo Abela ma’ numru ta’ reati serji

Jakkużaw lill-Gvern Laburista b’kunflitt ta' interess serju

L-aħwa Degiorgio, li huma akkużati b’involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kitbu lill-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja, fejn akkużaw lill-Gvern Laburista b’kunflitt ta’ interess fid-deċiżjoni tiegħu fuq it-talba għall-maħfra tagħhom. Dan għaliex huma kienu qed jimplikaw Ministru preżenti u ex ministru tal-Labour.

George u Alfred Degiorgio kitbu lil Didier Reynders fejn spjegaw li l-Gvern irrifjuta t-talbiet tagħhom għal maħfra għax ma riedx jisma’ l-informazzjoni li kellhom dwar l-allegat involviment tal-ex Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona u tal-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela f'”reati serji”, inkluż fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ittra f’isem l-aħwa saret mill-Avukat tagħhom William Cuschieri li saħaq li l-Gvern qatt ma jista’ jivvaluta b’mod ġust talbiet li minnhom toħroġ informazzjoni dwar membri fl-istess Gvern. Cuschieri qal li l-klijenti tiegħu kienu lesti li jiltaqgħu mal-kummissarju jew ma’ persuna tal-fiduċja tiegħu, membri tal-Europol, mal-Prim Ministru u anke mal-media, biex jispjegaw id-dettalji tal-informazzjoni li kellhom kif ukoll biex jiddiskutu t-tħassib ġenwin tagħhom ta’ kunflitt t’interess mill-Kabinett.