Lokali Qorti

Huwa xogħol il-Ministru Carmelo Abela li jirribatti l-allegazzjonijiet tal-hold-up fl-HSBC, tgħid il-Qorti

Huwa xogħol il-Ministru Carmelo Abela li jressaq provi biex jirribatti allegazzjonijiet magħmula mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li jorbtuh mal-hold-up fallut tal-HSBC tal-2010, qalet il-Qorti. F’April, Azzopardi kien sostna li l-Ministru allegatament għen lill-imħuħ wara l-attentat ta’ hold-up għal ħlas ta’ €300,000 bħala tpattija.

L-akkuża seħħet ftit tal-jiem wara li Abela ċaħad kull involviment fir-reat li spiċċat f’tiri perikolużi u vjolenti, bil-Ministru jiddeskrivi kull rabta miegħu bħala “stejjer ta’ gideb u invenzjonijiet”. Waqt seduta qasira fil-Qorti, l-Avukat tal-Ministru, Pawlu Lia, fittex li jbiddel l-eżitu tal-prova billi argumenta li peress li Azzopardi kien dak li għamel l-allegazzjonijiet kontra Abela, kien hu li kellu jipprova l-każ.

Abela kien preżenti fil-qorti meta l-każ kompla wara l-ewwel seduta li kienet saret ix-xahar li għadda, meta l-Maġistrat Rachel Montebello kienet ġiet infurmata li ma kien hemm l-ebda tama li tissolva t-tilwima permezz ta’ medjazzjoni. “Li tgħid li Abela huwa kompliċi fi hold-up, li ġie mwiegħed €300,000 għar-rwol tiegħu, mhix opinjoni iżda fatt allegat,” qal l-Avukat Lia, hekk kif bdiet is-seduta, u żied li l-proċedura tal-qorti m’għandhiex tkun “abbużata”.

Azzopardi kellu jew jammetti li kien żbaljat jew inkella jipprova l-affermazzjonijiet tiegħu, kompla l-avukat Lia. Ma kienx għall-Ministru li jipprova li dawk l-allegazzjonijiet kienu foloz, kienet l-aħħar kelma ta’ Lia. Iżda l-avukat ta’ Azzopardi, Joseph Zammit Maempel, ikkontrobatta bili qal li hija l-qorti, aktar milli l-applikant, li trid tiddeċiedi dwar it-triq ‘il quddiem.

Fid-dawl ta’ tali sottomissjonijiet, il-qorti ċaħdet it-talba ta’ Carmelo Abela, u ddikjarat li kien il-Ministru li ressaq il-kawża ta’ libell u, għalhekk, huwa kellu jressaq provi biex jipprova li l-allegazzjoni kienet infondata. Il-Qorti mbagħad tiddeċiedi dwar dik l-evidenza kif xieraq, ikkonkludiet il-Maġistrat Montebello. Il-każ mistenni jkompli x-xahar id-dieħel.