Internazzjonali

Il-Belġju: Arrestati dwar każ ta’ stupru fatali li xokkja pajjiż sħiħ

Ħames adolexxenti qed jinżammu taħt arrest b’konnessjoni mal-istupru u aggrediment ta’ tfajla ta’ 14-il sena li mietet ftit jiem wara b’konsegwenza tal-attakk. Il-każ nissel xokk kbir fost il-poplu – bir-rapporti jgħidu li l-aggressuri  ġibdu filmati tal-attakk permezz tat-telefons ċellulari waqt li ċċirkulaw il-materjal viżiv inkwistjoni fuq l-Internet.

Intant, il-vittma tal-attakk spiċċat tneħħi ħajjitha b’idejha, ġranet biss wara li spiċċat aggredita – bil-prosekuturi jikkonfermaw, issa, li tlieta mis-suspettati fil-każ, li huma minorenni, qed jinżammu f’ċentru ta’detenzjoni għaż-żgħażagħ.

Ingħad ukoll li żewġ irġiel, ta’ 18 u 19-il sena rispettivament, spiċċaw arrestati u li dawn għandhom jitressqu l-qorti li mistennija tikkonfermalhom l-akkużi b’mod formali.

Fl-istess ħin, il-prosekuzzjoni kkonfermat biss li s-suspettati kienu qed ikunu investigati għal ‘atti li seħħew qabel il-mewt tal-vittma’.

Il-media Belġjana li żvelat id-dettalji tal-każ traġiku qalet li t-tfajla kienet ftehmet ma’ żgħażugħ, ħabib tagħha, biex tiltaqa’ miegħu quddiem ċimiterju fil-belt ta’ Ghent, fil-15 ta’ Mejju. Intant, qed ikun allegat li l-ħabib mar biex jiltaqa’ magħha flimkien mal-erba’ suspettati l-oħra u fejn spiċċaw jaggredixxu lill-vittma – bil-filmati tal-attakk ikunu uploaded fuq il-media soċjali.

Missier il-vittma, intant, qal li ‘id-dinja għal bintu spiċċat ladarba hi saret taf li kienu qed jiċċirkulaw ir-ritratti tagħha f’dik is-sitwazzjoni’, bl-awtoritajiet Belġjani qed jirreferu għall-każ bħala wieħed xokkanti u fl-istess ħin rari.

L-aggrediment u l-mewt eventwali tat-tfajla qanqlu reazzjoni qawwija mill-politiċi Belġjani, b’Sarah Schlitz, bħala s-Segretarju tal-Istat għall-Ugwaljanza, taħlef li se tieħu azzjoni biex tevita sitwazzjonijiet fejn ir-ritratti jew filmati dwar aggrediment sesswali jinfurxu online għall-konsum tal-pubbliku.