Il-kumpilazzjoni li xogħolha hu li tiġbor il-provi fil-konfront ta’ l-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, Adrian Hillman akkużat b’ħasil ta’ flus frodi u reati oħra se tibda l-Ħamis, 3 ta’ Ġunju wara nofs inhar quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.
Hillman li tressaq nhar is-Sibt li għadda ngħata l-ħelsien mill-arrest mill-Maġistrat Doreen Clarke. L-akkużi huma kontrih personali u bħala rappreżentant tal-kumpaniji Overseas Ltd u Lester Holdings. Huwa tressaq il-Qorti wara li nhar il-Ġimgħa ġie estradit lejn Malta mir-Renju Unit fejn kien qed jgħix mal-familja tiegħu.
L-allegat akkużi fil-konfront tal-eks Direttur tat-Times, ħarġu wara Inkjesta dwar ix-xiri ta’ tliet magni tal-istampar ta’ Progress Press mill-kumpanija Kasco Ltd ta’ Keith Schembri. Fil-Qorti kien diġa’ ħareġ li Progress Press spiċċaw ħallsu madwar sitt miljuni aktar milli kellhom iħallsu filwaqt li Keith Schembri u persuni oħrajn allegatament għamlu aktar minn ħames miljun Ewro profitt minn fuq id-deal.
Vincent Buhagiar, li kien chairman tal-Progress Press meta sar dan id-deal qed jiġi akkużat ukoll li rċieva backhanders mill-eks Chief of Staff ta’ Kastilja. Skont rapporti leaked, mill-ġurnal TheTimes ħareġ li Schembri allegatament iffiltra ‘l fuq minn €650,000 lil Hillman f’aktar minn 30 “tranżazzjoni suspettuża” bejn l-2011 u l-2015.
Allegatament ingħad ukoll li Hillman iddepożita €225,000 fi flus kontanti fil-kont HSBC tiegħu bejn Jannar 2011 u Frar 2016. L-allegazzjonijiet ta’ reat finanzjarju bejn dawn it-tnejn kienu ġew irrappurtati għall-ewwel darba mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fl-2016.
Nhar is-Sibt il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Hillman fuq depożitu ta’ €50,000 u garanzija personali ta’ €100,000 li tħallsu l-ġenituri u oħtu. Madankollu huwa qatta l-weekend li għadda l-ħabs peress li ma setgħux jiġu rilaxxati l-flus biex ikun jista’ jingħaha l-pleġġ minħabba li l-banek kienu magħluqin. Il-Qorti kienet laqgħet it-talba minn naħa tal-Prosekuzzjoni biex jiġu sekwestrati l-assi kollha tiegħu u taż-żewġ kumpaniji, li wkoll qed jiffaċċaw il-proċeduri fil-Qorti.
Il-Qorti, kif isir dejjem f’każijiet bħal dawn ordnat li Hillman għandu dritt jirċievi salarju ta mhux aktar minn 13-il elf ewro fis-sena biex ikollu biex jgħix. Kundizzjonijiet oħra li mponiet fuqu l-Qorti kienu sabiex jidher għal kull seduta tal-Qorti, ma jikkommettix delitt ieħor u ma javviċinax persuni relatati mal-każ. Apparti dan, Hilmann ma jistax joħroġ mid-dar bejn l-10pm u s-7am, ma jistax isiefer, jitla’ fuq dgħajjes u jrid iżomm 100 metru ‘l bogħod mill-kosta. Kundizzjoni oħra hija li kuljum irid jiffirma fl-għassa tal-Pulizija ta’ San Ġiljan.
Wara li lejn l-aħħar ta’ Marzu kienet saret talba mill-Awtoritajiet Maltin biex Hillman jiġi estradit lejn Malta mir-Renju Unit, il-proċess biex l-eks Direttur tat-Times jinġieb Malta damet għal diversi ġimgħat minħabba li l-proċess huwa wieħed xi ftit kumplikat peress li r-Renju Unit ħareġ mill-Unjoni Ewropea.
Il-Pulizija Maltija kellha tuża s-Surrender Agreement biex Hillman ikun jista’ jinġieb Malta. Dan il-fethim jiskatta f’każ li pajjiż tal-UE u r-Renju Unit ikunu qed jikkoperaw fuq fast-tracking ta’ estradizzjoni. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Joseph Xerri u Lianne Bonello, kif ukoll minn Antoine Agius Bonnici, Andrea Zammit u Sean Xerri de Caro mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Adrian Hillman qed ikun assistit mill-Avukati Stefano Filletti, Mark Refalo, Maurice Meli u Nicole Galea.
//= $special ?>