Internazzjonali

Il-Malasja takkuża liċ-Ċina dwar abbuż tal-ispazju tal-ajru

L-ogħla awtoritajiet fi Kuala Lumpur talbu spjegazzjoni miċ-Ċina wara li sittax-il ajruplan militari taċ-Ċiniżi għaddew mill-ispazju tal-ajru tal-Malasja fejn taru direttament minn fuq zona ta’ baħar polemikuża ‘il hinn mill-Istat ta’ Sarawak.

Intant, il-fighter jets tal-Malasja wieġbu għall-emerġenza u interċettaw l-ajruplani taċ-Ċina li jintużaw għat-trasport. Dan wara li l-Malasjani indikaw ‘attività suspettuża’ fuq il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar, bil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fi Kuala Lumpur ifisser il-manuvra bħala ‘theddida serja għas-sovranità nazzjonali’. Min-naħa tagħha, iċ-Ċina insistiet li l-ajruplani tagħha żammew mal-liġi internazzjonali fiċ-ċirkustanzi.

Il-Malasja, il-Filippini, il-Brunej, it-Tajwan u l-Vjetnam kollha qed jikkuntestaw il-jeddijiet taċ-Ċina għar-reġjun kollu tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar. Il-kwistjoni taħraq ilha għadejja għexieren ta’ snin u t-tensjoni, issa, irrankat bejn dawn il-pajjiżi u l-awtoritajiet komunisti f’Beijing

Dan waqt li ċ-Ċina għadha tinsisti ‘bid-dritt ta’ sovranità’ fuq il-Baħar Ċiniż tan-Nofsinar fost il-bini ta’ gżejjer artifiċjali u ż-żidiet sinifikanti ta’ ‘patrols’ tal-ajruplani militari fl-inħawi. Iċ-Ċina, intant, kompliet tkabbar l-preżenza militari fiz-zona  hi u tinsisti li l-intenzjonijiet tagħha huma ‘paċifiċi’.