Lokali Parlament

Jeħtieġ li l-gvern jikkonsulta mal-union tal-inġiniera u iktar inġiniera jidħlu fil-politika

Ryan Callus, PN

Id-deputat Nazzjonalista Ryan Callus insista fil-parlament li l-union tal-inġiniera (MAPE) għandha tkun konsultata fuq il-liġi li temenda l-Att dwar il-Professjoni tal-Inġinerija li bħalissa qed tkun diskussa fil-parlament u appella biex iktar inġiniera jidħlu fil-politika.

Ryan Callus tkellem dwar l-importanza tal-professjoni tal-inġiniera u tratta r-rekwiżiti biex tinkiseb il-warrant kif ukoll is-servizzi fl-inġinerija fejn dawn jistgħu jsiru minn inġiniera bil-warrant jew taħt l-awtorizzazzjoni ta’ persuna li hu bil-warrant.

Hu tratta l-parternship of engineers, il-possibbiltà ta’ inġinerija differenti, il-permessi għal barranin speċjalizzati f’setturi tal-inġinerija, il-Maltin li jistudjaw l-inġinerija barra minn Malta u r-rekwiżit ta’ polza ta’ assigurazzjoni biex jekk jiġri xi ħaġa l-inġinier ikun kopert.

Hu tkellem fuq l-importanza li s-soċjetà tkun protetta għaliex jekk ikun hemm min jabbuża mix-xogħol ta’ inġinier iġib konswgenzi kbar; għalhekk irid ikun hemm pieni iebsa biżżejjed.

L-Assoċjazzjoni tal-Inġiniera Professjonali (MAPE) bħalissa fetħet protest fil-qorti għaliex il-gvern m’għamilx konsultazzjoni magħha. F’dan il-pajjiż ma jistax ikun li quddiem liġi bħal din, il-gvern ma jikkonsultax lill-union tal-inġiniera. Hu appella biex il-gvern jibda jiddiskuti mal-union u sostna li kulħadd għandu jħossu parti minn din il-liġi.

Dwar l-istudenti tal-MCAST, Ryan Callus tratta l-kwistjoni biex dawn l-istudenti jkunu eliġibbli għall-warrant u qal li darba persuna tissodisfa l-kriterji stipulati fil-liġi tikkwalifika għall-warrant ta’ inġinier.

Il-PN jappoġġja kull miżura biex dan iseħħ, sostna Ryan Callus, li appoġġja l-kampanja tal-Kamra tal-Inġiniera biex tħajjar iktar żgħażagħ jagħżlu din il-professjoni. Hu appella biex iktar inġiniera jidħlu fil-politika biex il-parlament ikollu l-perspettivi kollha tas-soċjetà.