Din is-sena, 2021, għall-Belt Senglea hija sena speċjali għaliex timmarka l-ewwel ċentinarju mill-inkurunazzjoni solenni tal-istatwa ta’ Marija Bambina.
Ix-xbieha ta’ Marija Bambina ilha fil-parroċċa tal-Isla sa mis-sena 1618, u dejjem kienet sors ta’ devozzjoni. Fl-ewwel snin tas-seklu tmintax, is-Sengleani qiegħdu kuruna tal-fidda fuq ir-ras grazzjuża ta’ Marija Bambina. Dan l-għelm ta’ mħabba u devozzjoni nibbet stennija għal dak il-jum li fih Marija Bambina tiġi inkurunata solennement b’digriet pontifiċju.
Fl-1 ta’ Marzu 1920, il-Kanonku Dun Ġużepp Adami, Arċipriet tal-Isla, f’isem il-Kaptilu u l-poplu Senglean, ippreżenta formalment, lill-Arċisqof Dom Mawru Caruana OSB, is-supplika biex l-istatwa ta’ Marija Bambina tiġi inkurunata. L-Arċisqof, min-naħa tiegħu, ressaq it-talba lill-Papa Benedittu XV fil-31 ta’ Marzu 1920.
Id-deċiżjoni b’eżitu pożittiv ittieħdet mill-Kaptilu tal-Vatikan fil-25 ta’ April 1920, u b’hekk ħareġ ir-reskritt tal-inkurunazzjoni. It-tweġiba li waslet minn Ruma fi żmien daqstant qasir, inħasset bħal turija ta’ apprezzament mill-Verġni Mbierka li riedet tippremja lin-nies tal-Isla għall-imħabba li juruha.
Il-ġurnata stabbilita għall-inkurunazzjoni kienet l-4 ta’ Settembru 1921. Il-Kaptilu tal-Vatikan iddelega lill-Arċisqof Caruana biex, dakinhar, f’isem l-istess Kapitlu, iqiegħed il-kuruna tad-deheb fuq ras l-istatwa ta’ Marija Bambina.
Is-solennità straordinarja tal-inkurunazzjoni ta’ Marija Bambina ma ntesiet qatt. Hi waħda mill-ftit ġranet li bdew u baqgħu jiġu rrakkontati minn ġenerazzjoni għal oħra.
Tul dawn il-mitt sena, is-Sengleani għamlu minn kollox, anke fi żminijiet imwiegħra, biex dan il-jum ma jisbaħx u jgħaddi bla ma jiġi mfakkar. Sa mis-sena 1922, dan il-jum beda jiġi kommemorat fil-bażilika, b’quddies lett ċelebrat minn sbieħ il-jum, b’quddiesa kantata solenni filgħodu, segwita minn quddiesa oħra letta f’nofsinhar li kienet tintemm bis-Supplika tal-Bambina.
Waranofsinhar, kien isir Għasar Solenni u diskors ta’ tifkira tal-inkurunazzjoni. Iċ-ċelebrazzjoni kienet tgħalaq bil-kant tal-Ave Maris Stella, Salve Regina, Litanija, Antifona u Te Deum segwiti mill-Barka Sagramentali.
Minkejja li dan il-programm tħarbat xi ftit fis-snin tal-gwerra, meta allura t-tifkira tal-inkurunazzjoni saret f’postijiet fejn is-Sengleani kienu sabu refuġju, hekk baqa’ jsir kull sena sal-1964. Mis-sena ta’ wara bdiet titwettaq il-riforma liturġika mitluba mill-Konċilju Vatikan II fejn il-quddiesa kantata solenni bdiet issir filgħaxija, u d-diskors ta’ tifkira ħa post l-omelija. Issa wkoll, iċ-ċelebrazzjoni bdiet tintemm bil-kant ta’ Te Deum u Antifona.
Għad-diskors ta’ tifkira tal-inkurunazzjoni, jiġi mistieden oratur, saċerdot djoċesan jew membru ta’ Ordni Reliġjuż, Senglean jew barrani. Filwaqt li jirrakkonta dak li kien seħħ fl-4 ta’ Settembru 1921, dan ikun mistenni li juri x’riedu jfissru s-Sengleani ta’ qabilna meta għażlu lil Marija bħala Sultana tagħhom u kif dan għandu jibqa’ jgħodd għal min qed jgħix tant snin wara.
Biex jibqa’ legat ta’ dan iċ-ċentinarju, il-Kunsill Lokali tal-Isla ħa ħsieb li jippreżenta lill-poplu Senglean il-ktieb bl-isem 4 ta’ Settembru 1921, li ġie editjat minn Fabian Mangion. Dan il-ktieb jiġbor fih siltiet minn 30 diskors ta’ tifkira tal-inkurunazzjoni, imżewwqa b’ritratti ppreżentati b’mod kronoloġiku li flimkien jagħtu mpressjoni ċara tal-entużjażmu, l-ferħ u d-devozzjoni li saltnu fuq l-Isla f’dawk il-jiem ta’ Settembru 1921.
Dan il-ktieb ġie mniedi permezz ta’ dokumentarju fl-okkażjoni ta’ Jum l-Isla, nhar is-Sibt, 8 ta’ Mejju 2021, u jista’ jinkiseb mill-uffiċċju tal-Kunsill Lokali, Triq San Ġużepp, l-Isla.
//= $special ?>