Il-Partit Nazzjonalista jilqa’ b’sodisfazzjon il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni Venezja dwar żewġ abbozzi ta’ liġi li l-Oppożizzjoni ma qablitx magħhom wara talba tal-Gvern sabiex tagħti l-opinjoni tagħha. L-Oppożizzjoni ma taqbilx ma dawn iż-żewġ abbozzi ta’ liġi għaliex jimminaw il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem taċ-ċittadini Maltin kif il-Qorti Kostituzzjonali tagħna kemm il-darba ddikjarat. Bosta ġuristi prominenti ilkoll ħarġu kontra dawn l-abbozzi tal-liġijiet.
Il-Partit Nazzjonalista fl-ewwel lok, ma jistax ma jinnotax il-mossa bla preċedent tal-Gvern illi jitlob l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja sabiex tiddeċiedi fuq materja li hija kompetenza talParlament Malti u tal-Qrati Maltin. Il-Partit Nazzjonalista ma jistax ma jikkundannax din ilmentalità neo-kolonjali li wieħed jitlob opinjoni minn entità barranija dwar kwistjoni domestika. Il-Kummissjoni Venezja spiċċat tfakkar lill-gvern Malti f’paragrafu 94 illi “The Venice Commission’s role is not to assess whether the reform in question is necessary or appropriate. This decision falls within the sovereignty of the Maltese authorities and people. Further, the question of whether the proposed amendment of the Interpretation Act is compatible with the Constitution of Malta as interpreted by the constitutional case-law is for the Constitutional Court of Malta to decide, eventually.” Il-Gvern ma spjegax għaliex ħass illi jaqbeż il-Parlament u l-Qorti Kostituzzjonali u talab l-opinjoni tal-Kummissjoni Venezja.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota wkoll illi l-Kummissjoni Venezja waslet għal bosta konklużjonijiet li l-Partit Nazzjonalista sostna anke fid-diskussjonijiet illi kellu ma’ l-istess Kummissjoni Venezja fosthom illi:
i. L-aħħar kelma dwar l-interpretazzjoni tal-Kostituzzjoni hija tal-Qorti Kostiuzzjonali (para. 95);
ii. Il-Parlament ma jistax jinterpreta l-Kostituzzjoni b’maġġoranza sempliċi sabiex jimmina d-drittijiet u protezzjonijiet li tagħti l-Kostituzzjoni u li jeħtieġu maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jinbidlu (para. 95);
iii. FATF, Moneyval u Greco ma jesiġux illi l-awtoritajiet regulatorji jimponu sanzjonijiet kriminali bil-mod kif qieghed jippretendi l-gvern. L-importanti hu illi jkollhom kapaċità li jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u diswassivi (para. 97);
iv. Mudell li jista’ jiġi segwit f’pajjiżna huwa dak li adottaw l-awtoritajiet talKompetizzjoni wara s-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali (para. 98).
v. Sabiex wieħed iħalli f’idejn il-qrati biex jissanzjonaw min kiser il-liġi, jeħtieġ illi jiġu dedikati aktar riżorsi lill-qrati tagħna u titjieb l-effiċjenza ġudizzjarja (para. 99).
vi. Id-drittijiet protetti mill-Kostituzzjoni m’għandhomx jintmessu kif ġieb u laħaq u m’hemm l-ebda ħtieġa illi jitnaqsu sabiex jiġu allinjati mal-Konvenzjoni Ewropea tadDrittijiet tal-Bniedem.(para. 100);
vii. Kemm l-abbozz 166 kif ukoll l-abbozz 198 m’humiex adekwati, huma vagi u ma jtejbux iċ-ċertezza legali (para. 99 u 100).
Il-Partit Nazzjonalista kien jistenna li quiddiem dawn il-konklużjonijiet ċari tal-Kummissjoni Venezja, il-Gvern kien juri umiltà u jammetti illi żbalja meta qabad u ppropona leġislazzjoni illi tmur biċ-ċar kontra l-Kostituzzjoni mingħajr ma fittex li jinstab kunsens fil-Parlament u fis-soċjetà. Minflok il-Gvern ħareġ ikanta vittorja u wera aktar kemm hu maqtugħ mir-realtà.
Quddiem il-ħasla li l-Kummissjoni Venezja tat lil Robert Abela u Edward Zammit Lewis, il-Partit Nazzjonalista jistenna li l-Gvern jieqaf jaġixxi b’mod irresponsabbli u minflok jibda jirrispetta u jimxi skont dak li tipprovdi l-Kostituzzjoni ta’ pajjiżna.
Din l-istqarrija tal-PN kienet iffirmata mill-Kelliem għad-Drittijiet Umani u l-Governanza Tajba, Therese Comodini Cachia u l-Kelliem għall-Ġustizzja, għar-Riforma Kostituzzjonali, d-Djalogu Soċjali u x-Xandir Nazzjonali, Joseph Ellis.
//= $special ?>