Internazzjonali

L-Influwenza tat-Tjur: L-ewwel każ ta’ infezzjoni minn element rari fiċ-Ċina

Raġel Ċiniż ta’ 41 sena hu kkonfermat bħala l-ewwel bniedem li spiċċa infettat minn element rari ta’ influwenza tat-tjur. Filwaqt li l-uffiċjali fiċ-Ċina ma tawx dettalji dwar l-infezzjoni partikulari, l-element H10N3 tal-virus mhux maħsub li jinfirex malajr minn bniedem għall-ieħor.

Il-pazjent hu residenti fil-provinċja ta’ Jiangsu u l-aħħar rapporti qalu li hu għamel żmien rikoverat u issa fieq mill-effetti tal-infezzjoni. Ir-rapporti qalu wkoll li r-raġel kien qed jistenna biex joħroġ mill-isptar ‘minn ħin għall-ieħor’.

Illum, qed jiċċirkulaw diversi elementi ta’ ‘bird flu’ u mhix l-ewwel darba li jispiċċaw infettati l-persuni li jaħdmu fis-settur tat-tjur — għalkemm il-każi mhumiex għal kollox simili.

Sadanittant, il-proċeduri tal-contact tracing ma żvelawx każi simili għall-element speċifiku tal-virus, bis-sitwazzjoni qed tkun studjata bir-reqqa.

Il-Kummissjoni tas-Saħħa Nazzjonali f’Beijing issa żvela li l-pazjent ( li jgħix fil-belt ta’ Zhenjiang) kien iddaħħal l-isptar fit-28 ta’ April u kien ikkonfermat bħala infettat bl-H10N3 xi xahar wara.

L-istess Kummissjoni qalet li ‘l-ebda każi oħra tal-H10N3 ma kienu rappurtati fi bnadi oħra tad-dinja u li l-każ fejn l-element tal-virus qasam mit-tjur għall-bniedem għandu jitqies bħala uniku’. Ingħad ukoll li s-sogru ta’ firxa tal-element fost il-massa hu ‘estremament baxx’ fiċ-ċirkustanzi.