Lokali

L-istudenti Għawdxin mhux prijorità għal Ian Borg – PN

L-Oppożizzjoni tinnota b’dispjaċir id-deċiżjoni li titwaqqaf ir-rotta X300, li kienet isservi lil studenti li miċ-Ċirkewwa jmorru l-Università ta’ Malta. Ir-raġuni li qed tingħata hi li dan sar minħabba li inbeda s-servizz ta’ fast ferry mill-Imġarr Għawdex sal-Belt Valletta.

Fi stqarrija maħruġa mid-Deputat Toni Bezzina, il-PN fakkar illi filwaqt li l-introduzzjoni ta’ servizz ta’ fast ferry huwa pass pożittiv ‘l quddiem, dan m’għandux jissarraf fi tneħħija ta’ servizz differenti. Ir-rotta X300 għandha tipprovdi alternattiva għall-fast ferry, speċjalment fi ġranet ta’ maltemp.

Il-PN jinsab imħasseb minħabba li din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr imqar konsultazzjoni mal-GUG u r-rappreżentanti oħrajn tal-istudenti. Dan mhu xejn għajr xhieda tan-nuqqas ta’ konsiderazzjoni tal-gvern meta jiġi biex jieħu d-deċiżjonijiet.