Il-plejer tal-badminton Matthew Abela kien ikkonfermat bħala t-tieni atleta li se jirrappreżenta lil Malta fl-Olimpjadi ta’ Tokjo. Abela b’hekk se jkun l-ewwel Malti li se jipparteċipa fl-isport tal-Badminton, fejn esperjenzi fost l-oħrajn fid-Danimarka, għinuh biex jtejjeb il-livell tiegħu u jagħmilha sal-Olimpjadi.
“Huwa tassew unur għalija li qed nirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Olimpiku li jmiss. Jiena konxju ħafna tar-responsabbiltà li tiġi ma ‘għażla bħal din u x-xogħol iebes li sar s’issa se jkompli b’tant iktar motivazzjoni” qal Abela wara li kien ikkonfermat bħala atleta fl-Olimpjadi.
Matthew Abela b’hekk ingħaqad ma’ Eleanor Bezzina, li grazzi għall-ħidma tal-Kummissjoni Tripartita tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, rnexxielhom jikkwalfikaw għall-Olimpjadi.
“L-aħbar li Matthew Abela ntgħażel biex ikun parti mill-kontinġent tal-Kumitat Olimpiku Malti għal Tokyo 2020, hija aħbar iktar tajba għalina speċjalment li din hija l-ewwel darba li Malta se tkun irrappreżentata fl-isport tal-Badminton”, stqarr il-President tal-Kumitat Olimpiku Malti, Julian Pace Bonello.
Il-Logħob Olimpiku mistenni jsir f’Tokjo ,il-Ġappun, bejn it-23 ta’ Lulju u t-8 t’Awwissu.
//= $special ?>