Lokali

Meħtieġa soluzzjoni immedjata fuq ir-rimi ta’ skart mill-kostruzzjoni

L-MDA għaddejja b’diskussjonijiet intensivi mal-Gvern dwar il-kwistjoni pendenti fuq ir-rimi ta’ skart mill-kostruzzjoni u twaqqigħ tal-bini li qed jikkawża waqfien fil-progress fl-industrija tal-kostruzzjoni madwar il-pajjiż kollu.

Matul is-snin kien hemm taħlita ta’ soluzzjonijiet sabiex tissolva din il-problema, iżda l-ebda waħda ma kellha effett fit-tul. Il-problema dan l-aħħar ġiet aċċentwata mill-fatt li saru xogħlijiet kbar fit-toroq li jiġġeneraw ammont konsiderevoli ta’ iskart.

Id-Direttur Ġenerali tal-MDA Deborah Schembri insistiet li hemm bżonn li tinstab soluzzjoni immedjata sabiex ma jkunx hemm iktar dewmien. Waqt laqgħa mal-Ministru Aaron Farrugia, Deborah Schembri ppreżentat sett ta’ proposti b’soluzzjonijiet kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, fi sforz biex tiġi solvuta din il-problema li qed tikkawża tbatija kbira lil diversi setturi fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni.

L-MDA ssostni li dan l-istaġnar mhux biss qed jipperikola l-għajxien ta’ wieħed mis-setturi l-aktar produttivi fl-ekonomija Maltija iżda qed joħloq problema fit-toroq tagħna hekk kif il-kostruzzjoni tat-toroq jaf tieqaf ħesrem.