Raġel minn ta’ 54 sena minn San Ġwann, li qal li jaħdem fil-qasam tal-kostruzzjoni u li huwa ‘self-employed’ ma ngħaatx il-libertà proviżorja wara ġie mixli quddiem il-Maġistrat Marse-Anne Farrugia li x-xahar li għadda ħebb u seraq anzjan li kien miexi għall-affari tiegħu f’Santa Venera. L-anzjan nstab mixħut mal-art mal-lejl kawża tal-ġrieħi li ġarrab.
Paul Spagnol, l-allegat aggressur ġie indentifikat wara stħarrġ li sar mill-Pulizija mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Ħamrun. Huwa ġie mixli b’serq aggravat minn fuq l-anzjan f’Santa Venera. liema każ seħħ fis-6 ta’ Mejju li għadda bejn il-11.00pm. u l-11.30pm. f’Misraħ il-Barrieri, f’Santa Venera.
Il-Prosekuzzjoni qalet li fuq il-post sabu l-anzjan fl-art bi ġrieħi f’rasu, u wara aktar investigazzjonijiet irriżulta li waqt li l-anzjan kien miexi, xi ħadd ħebb għalih, waqqgħu fl-art u seraqlu l-kartiera li fiha kien hemm xi flus. Grazzi għal analiżi ta’ diversi filmati minn kameras tas-sigurtà, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat aggressur u arrestatu.
Spagnol ġie akkużat ukoll li kkaġuna lill-anzjan ġrieħi ħfief, li kiser ordni ta’ probation u li sar riċediv. Paul Spagnol ġie mixli wkoll b’sewqan traskurat u perikoluż u li saq mingħajr polza tas-sigurtà, u huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih.
Il-Pulizija oġġezzjonaw għat-talba li saret biex ma jingħata l-pleġġ minħabba l-gravità tal-każ fejn l-vittma mhux biss huwa anzjan iżda għandu wkoll diżabilità u għad irid jixhed f’dawn il-proċeduri. Saret referenza wkoll għall-kondotta tiegħu li ngħad li hija kemmxejn ikkulurita li turi li mhux ta’ min jafdah u hemm il-biża li jwettaq reat ieħor. Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
//= $special ?>