Lokali

Raġel ta’ 54 sena arrestat b’rabta ma’ mugging fuq anzjan

Raġel ta’ 54 sena safa arrestat mill-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Ħamrun, b’rabta ma’ każ ta’ aggressjoni u serqa fuq anzjan f’Santa Venera.

Il-każ seħħ fis-7 ta’ Mejju illi għadda, meta għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li f’Misraħ il-Barrieri, Santa Venera, hemm anzjan mixħut fl-art. Il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun marru mill-ewwel fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 75 sena b’feriti f’rasu u b’hekk intalbet għall-assistenza medika. Minn stħarriġ li sar irriżulta li waqt li kien miexi, xi ħadd ħebb għalih, waqqgħu fl-art u seraqlu l-kartiera li fiha kien hemm xi flus.

Wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u analiżi ta’ numru ta’ filmati minn kameras tassigurtà, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat ħalliel u ġie arrestat fl-aħħar sigħat.

Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana, fejn mistenni jitressaq il-Qorti llum għal xi s-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Marseann Farrugia.