Lokali

Robert Abela għandu jkeċċi lill-Ministru Abela mill-Kabinett sakemm il-pulizija tlesti l-investigazzjoni

“Robert Abela ma jistax jibqa’ ma jiddeċidix quddiem allegazzjonijiet mill-aktar serji li qed isiru fuq Ministru tiegħu u fuq persuna oħra li sa ftit ilu kienet tpoġġi miegħu fil-kabinett ta’ Joseph Muscat.” – Hekk saħaq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’messaġġ li xxandar fuq Facebook.

Bernard Grech qal li l-Prim Ministru ma jistax iħalli r-reputazzjoni ta’ pajjiżna tibqa’ taqla daqqa wara oħra b’Ministru tiegħu implikat f’reati mill-iktar serji. “Dan mhux biss dell fuq Ministru. Mhux biss dell fuq Robert Abela. Dan dell fuq pajjiżna.”

Il-Kap tal-PN saħaq li l-interess nazzjonali għandu jirbaħ fuq l-interess partiġġjan ta’ Robert Abela u tal-Partit Laburista. “L-inqas li għandu jagħmel Robert Abela hu li jkeċċi lill-Ministru Abela mill-Kabinett sakemm il-Pulizija tlesti l-investigazzjoniet tagħha,” kompla Bernard Grech, “pajjiżna ma jistax ikollu Ministru b’dell daqstant tqil fuq rasu.”

Barnard Grech temm jgħid li dawn huma akkużi bla preċedent fuq Ministru fil-kariga u l-indeċiżjoni ta’ Robert Abela tkompli tikkonferma kif hu għandu jdejh marbuta u mhux f’pożizzjoni li jieħu d deċiżjonijiet neċessarji quddiem allegazzjonijiet mill-iktar serji u gravi.