Internazzjonali

Sri Lanka: Inkwiet kbir dwar katastrofi ekoloġika waqt l-għarqa ta’ tanker mgħobbi biż-żejt

Bastiment tal-merkanzija mgħobbi b’kunsinna ta’ żejt sa kważi għereq għal kollox ‘il hinn mill-kosta tas-Sri Lanka u fost inkwiet li għandu jirriżulta kriżi fuq skala katastrofika għall-ambjent u l-madwar.

Il-bastiment X-Press Pearl, irreġistrat f’Singapore, kien ilu jaqbad għal kważi ġimgħatejn u sakemm in-nirien ta’ fuqu spiċċaw ikkontrollati aktar kmieni fil-ġimgħa. Madankollu, hemm probabbiltà kbira li l-għarqa tal-bastiment – li qed tidher imminenti – għandha twassal għal leakage ta’ mijiet ta’ tunnellati ta’ żejt mill-fuel tanks fost il-konsegwenzi devastanti għall-ħajja marittima f’dik iz-zona.

Il-qawwiet tal-baħar tas-Sri Lanka u l-Indja fl-aħħar jiem stinkaw bla heda biex jikkontrollaw in-nirien fuq l-X-Press Pearl u jevitaw ‘l-agħar sitwazzjoni’ fejn il-bastiment ‘jinqasam f’biċċiet u jegħreq’. Madankollu, din il-ħidma urġenti li għaddejja ‘il hinn mill-port ta’ Colombo iltaqgħet ma l-intoppi minħabba l-ibħra mqallba u l-irwiefen li huma sinonimi mal-istaġun tal-monsoon.

Is-sitwazzjoni qed tidher tassew iddisprata, b’kelliema għan-Navy tas-Sri Lanka jikkonfermaw li l-bastiment qed jegħreq u li għaddejjin l-isforzi biex l-X-Press Pearl jinġibed lejn zona ta’ baħar imbiegħda bil-għan li jonqos il-periklu ta’ tniġġiż irreparabbli għall-ħajja marittima. Dan fost sinjali li l-bastiment kien diġà qed jiddisintegra, bl-iskwadri għall-emerġenzi jippruvaw l-almu biex jimminimizzaw l-effetti ta’ katastrofi ekoloġika potenzjali.