Internazzjonali

Danimarka: Liġi għar-rilokazzjoni ta’ refuġjati lejn ċentri ‘il hinn mill-Ewropa

Id-Danimarka għaddiet leġislazzjoni li tippermetti biex ir-refuġjati li qegħdin ifittxu kenn politiku jkunu relokati lejn pajjiżi li ma jiffurmawx parti mill-Unjoni Ewropea —  waqt li l-każi rispettivi jkunu analizzati. Id-deputati f’Kopenhagen ivvutaw favur l-abbozz b’70 vot kontra 24.

Il-proġett propost mill-Gvern Daniż immexxi mis-Soċjal-Demokratiċi għandu jinkorpora pajjiżi ‘sieħba’ – magħrufa bħala partner countries – li jieħdu ħsieb it-tmexxija taċ-ċentri u kampijiet għal dawn ir-refuġjati. Hemm ukoll ħsieb għall-finanzjament tal-aġenziji li huma bażati fir-rotot għall-immigrazzjoni.

Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea qalet li hi mħassba dwar din il-liġi tad-Danimarka waqt li sorsi viċin l-NGOs qalu li l-pjan hu wieħed ‘irresponsabbli’.

Id-Danimarka, fl-aħħar snin, issikkat kemm-il darba l-politika għall-immigrazzjoni u wara li kienet laqgħet massimu ta’ ‘il fuq minn 21,000 immigrant (li kienu qed ifittxu kenn politiku) fl-2015.

Issa, l-awtoritajiet Daniżi għamluha ċara li jekk persuna tapplika għal kenn politiku fid-Danimarka hi se tintbagħat lejn Stat li  ma jiffurmax parti mill-Ewropa. Hawnhekk ukoll qed tispikka ‘it-tama tad-Daniżi li anqas nies jippruvaw ifittxu kenn politiku f’pajjiżhom’.

Filwaqt li l-każi għall-kenn politiku jkunu riveduti fil-pajjiżi li jilqgħu lil dawn l-immigranti u refuġjati, hemm kull possibbiltà li l-applikanti, imbagħad, jingħataw protezzjoni fl-istess pajjiż li jkun ipproċessalhom il-każi.