Futbol Sport

Għada Malta jilagħbu it-tieni partita ta’ ħbiberija kontra l-Kosovo

(Ritratt: MFA)

Għada it-tim nazzjonali Malti jilgħab it-tieni partita ta’ ħbiberija fl-Awstrija, kontra l-Kosova. Wara l-partita diżappuntanti kontra l-Irlanda ta’ Fuq, fejn il-plejers ma kienux preparati fiżikament kawża tal-waqfa tal-isport kollu f’pajjiżna, il-Maltin se jkunu qed iħarsu li jirreaġixxu u jagħtu prestazzjoni tajba kontra t-tim tal-Kosovo. Minkejja li l-Kosovo hu tim relattivament ġdid, bl-ewwel partita uffiċjali tagħhom tkun fl-2014, għandhom diversi plejers stabbiliti li jilagħbu fil-kampjonati Ewropej, fosthom Amir Rrahmani li jilgħab ma’ Napoli u Mergim Vojvoda li jilgħab ma’ Torino, fis-Serie A.

Qabel il-partita t’għada il-coach Devis Mangia stqarr li l-plejers huma lesti biex jilagħbu, b’Enrico Pepe u Steve Pisani jkunu l-unika plejers mhux disponibbli. Mangia qal ukoll li għall-partita t’għada jista’ jintroduċi xi wċuħ ġodda, bil-partita t’għada tkun pjattaforma tajba għall-plejers Maltin sabiex juru l-potenzjal tagħhom għall-clubs barranin.

(Ritratt: MFA)

Fuq is-sitwazzjoni tal-Covid u l-isport f’pajjiżna Mangia qal li hija problema li l-plejers tilfu madwar 8 xhur f’sentejn, fejn qal li t-tim irid ikun preparat biex jikkompeti fl-ogħla livell. Min-naħa l-oħra Andrei Agius, li għada jista’ jilgħab il-mitt logħba mat-tim nazzjonali, qal li t-tim qed jilgħab futbol aktar offensiv u dan jawgura tajjeb għall-futur tat-tim nazzjonali Malti. Andrei Agius irringrazzja wkoll lit-tim nazzjonali ta’ kemm għinu biex jgħolli l-livell personali tiegħu sena wara sena.

Malta u l-Kosovo ltaqgħu darbtejn fl-ewwel edizzjoni tal-UEFA Nations League, bl-ewwel konfront jintemm bl-iskor ta’ 5-0 favur il-Kosovo filwaqt li t-tieni konfront ntemm bl-iskor ta’ 3-1, għal Kosovo. Hekk kif il-partita kontra l-Kazhakstan kienet ikkanċellata, it-tim Malti jirritorna Malta jumejn qabel kif kien pjanat, bil-partita t’għada tintlagħab fis-6.00pm fil-Klagenfurt l-Awstrija.