Għawdex Lokali

Ħadu siegħa u kwart biex jaqsmu l-fliegu!

Nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern wassal għal diżorganizzazzjoni sħiħa fil-Moll tal-Imġarr f’Għawdex u skumdità għall-Għawdxin li, fi tmiem ġurnata xogħol, qasmu l-fliegu biex imorru lura d-dar.

Fil-fatt, dan wassal biex, min rikeb il-vapur Niklaus tal-4.30pm miċ-Ċirkewwa ma messx mal-art tal-Imġarr qabel is-5.45pm għax ħsara teknika fil-vapur Malita ma ħallietx moll disponibbli għall-vapur Grieg mikri mill-Gozo Channel.

Dan il-kjass wasal wara li l-Gvern ma ppjanax post fejn jitrakkaw il-vapuri li qed jintużaw għas-servizz ta’ fast ferry. Minflok, dawn ġew assenjati wieħed mit-tliet mollijiet li hemm fit-Terminal tal-Imġarr.

Għaldaqstant, il-vapuri tal-Gozo Channel fadlilhom biss żewġ mollijiet, b’wieħed minnhom ikollu permanentament vapur li bħalissa mhux qed jintuża’ … u bl-eluf ta’ Maltin u Għawdxin li jaqsmu l-fliegu baqalhom biss moll wieħed disponibbli.