Coronavirus Lokali

Il-Gvern għadu ma laħaqx ftehim dwar l-użu tal-Covid Passport

Il-Gvern Malti għadu ma kkonkludiex il-ftehim dwar il-Passaport tal-Covid.

Wara li ftit tal-jiem ilu, l-Unjoni Ewropea nediet il-Covid Passport, jidher li pajjiżna għadu mhux jifforma parti minn din il-pjattaforma. Iċ-ċertifikat li nieda l-Gvern Malti sa issa għadu mhux rikonoxxut mill-pajjiżi kollha. Dan minkejja li pajjiżna fetaħ uffiċjalment il-bibien għat-turiżmu mill-ewwel tax-xahar.

Sa issa, il-Kummissjoni Ewropea kkonfermat li l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, il-Greċja, Il-Kroazja u l-Polonja ingħaqdu ma’ din il-pjattaforma.

Il-konferma li l-Gvern Malti sa issa għadu ma laħaqx ftehim dwar dan id-dokument kruċjali għal min irid jivvjaġġa lejn pajjiżna taha l-Ministru tat-Turiżmu nnifsu fi tweġiba lill-gazzetta Business Today.

Dan ifisser li pajjiżna għadu sa issa mhux qed jirrikonoxxi ċertifikati ta’ vaċċinazzjoni ta’ pajjiżi oħra. Fattur li jista’ jwassal biex turisti prospettivi jagħżlu pajjiżi oħra li jkunu jirrikonoxxu ċ-ċertifikat li għadhom.

Persuni li jidħlu f’pajjiżna bħalissa u li mhumiex jippreżentaw iċ-ċertifikat maħruġ minn Malta iridu jippreżentaw riżultat negattiv ta’ test li jkun sar sa massimu ta’ 72 siegħa qabel il-wasla tagħhom jew inkella jagħmlu test f’pajjiżna.

It-test li jsir Malta u li anke għadd ta’ Maltin qed ikollhom jagħmluh huma u deħlin lura pajjżna għax ma jkunx għad għandhom iċ-ċertifikat tal-vaċċin jiswa €120.