Lokali

Il-Ministru Aaron Farrugia bla soluzzjoni dwar l-iskart tal-bini

Wara li l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi, l-MDA, insistiet li hemm bżonn li tinstab soluzzjoni immedjata għall-iskart tal-bini, jidher li l-Gvern għadu bla ideat dwar kif se jsolvi din il-problema.

L-MDA fl-aħħar jiem ippreżentat sett ta’ proposti b’soluzzjonijiet kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, fi sforz biex tiġi solvuta din il-problema li qed tikkawża tbatija kbira lil diversi setturi fl-industrija tal-bini u l-kostruzzjoni.

Iżda minkejja diskussjonijiet intensivi, illum il-Ministru Aaron Farrugia permezz ta’ stqarrija maħruġa mill-Ministeru tiegħu ammetta li sa issa għadu ma ddeċidiex x’ se jagħmel biex isolvi din il-problema.

Wara li għadd ta’ sidien ta’ barrieri talbuh biex jerġgħu jiftħu l-barrieri tagħhom għall-iskart tal-kostruzzjoni, il-Ministru qal li ‘għadu qed jevalwa’.

Matul is-snin kien hemm taħlita ta’ soluzzjonijiet sabiex tissolva din il-problema, iżda l-ebda waħda ma kellha effett fit-tul. Il-problema dan l-aħħar ġiet aċċentwata mill-fatt li saru xogħlijiet fit-toroq li jiġġeneraw ammont konsiderevoli ta’ iskart.