Lokali

Il-Partit Nazzjonalista se jrodd lura l-flus li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl

Ikomplu r-reazzjonijiet pożittivi għall-inizzjativa tal-Partit Nazzjonalista sabiex il-poplu Malti u Għawdxi jingħata lura il-flus li nsteraq mill-Gvern Laburista b’rabta mal-kontijiet tad-Dawl u Ilma.

Waqt zjara fiz-Zurrieq, il-Kap tal-PN Bernard Grech stqarr illi ħafna kienu dawk il-persuni li rringrazzjawh għall-inizzjativa li ħabbar ftit tal-jiem ilu – li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti lura l-flus li nsterqu u li s’issa jammontaw għal €50 miljun, fuq medda ta’ tmien snin kemm ilu l-PL fil-Gvern. Serq mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, li mistenni jkun ikkonfermat minn rapport tal-NAO.

“Minn avviċinana qalilna grazzi talli qed titkellmu għalina, grazzi talli tajtuna l-opportunita’ talli nistgħu nirreġistraw mal-Partit Nazzjonalista biex inkunu nistgħu nkunu nafu li l-Partit Nazzjonalista qed jaħdem għalina fuq din il-materja. Jgħidulna grazzi li tkellimtu mingħajr biża’ u tajtu soluzzjonijiet u grazzi li offrejtulna l-opportunita’ li nivvutaw lill-Partit Nazzjonalista bis-serħan tal-moħħ li nafu li kif ikun hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern ser ningħataw il-flus lura li seraq Gvern Laburista”.

Fl-aħħar jiem, Robert Abela mhux biss baqa’ jinjora l-appelli ta’ eluf ta’ Maltin u Għawdxin li qed jinsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iżda qed jinjora wkoll l-ammissjoni tal-predeċessur tiegħu – l-eks Prim Ministru Joseph Muscat – li tliet snin ilu ammetta li hemm anomalija fil-kontijiet tal-ARMS.

Intant, waqt din iż-żjara fuq il-Monti taż-Żurrieq il-Ħamis filgħodu, il-Kap tal-PN tkellem ma’ diversi residenti Żrieraq, bejjiegħa li kienu armati, kif ukoll nies oħra li kienu qedgħin jixtru.

Ma’ Net News, Bernard Grech tkellem pożittivament dwar il-fatt li l-ħajja bdiet tiġi lura għan-normalita’, u li huwa fattur importanti li n-nies joħorġu u jixtru sabiex jgħinu lin-nies fin-negozju.

“Il-fatt li tiġi fuq il-monti u tiltaqa’ man-nies u jitkellmu miegħek u tara li qed jagħmlu l-kuraġġ joħorġu u hemm tara kemm huwa sabiħ li n-nies iħarsu ‘l quddiem u jridu jimxu ‘l quddiem biex ikollhom ħajja aktar libera u aktar serena”

Tul din iż-żjara fiż-Żurrieq, Bernard Grech kien akkumpanjat mid-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fiż-Żurrieq kif ukoll mill-kandidati Francine Farrugia, Stanley Zammit, Owen Scibberas u Stefan Caruana.