Lokali Parlament

Il-PN bi pjan ambjentali ambizzjuż

Robert Cutajar, PN

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li l-PN se jressaq pjan ambizzjuż fl-ambjent biex dan is-settur kruċjali jkun protett.

Fil-parlament id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar qal li dan l-abbozz hu ispirat minn governanza, trasparenza u konsultazzjoni u sostna li għall-PN l-ambjent hu prijorità.

L-operat tal-ERA jista’ jkun ħafna iktar trasparenti, sostna Robert Cutajar, li qal li dan l-abbozz kien maqbul minn sitt għaqdiet ambjentali u mill-MEP Alfred Sant. Anki ċ-Chairman tal-ERA jaqbel ma’ dan l-abbzz.

Il-PN jipproponi li Bord tal-ERA għandu jkun iktar mitfuħ għall-pubbliku u għall-NGOs. Hu qal li l-aħbjent għaddej minn sfidi u problemi kbar, fl-agħar mument li qatt kien fih.

Il-Ministru Farrugia ammetta li għall-PL, l-ambjent mhux prijorità. Il-gvern falla fis-separazzjoni tal-iskart, sostna Robert Cutajar, li kkundanna x-xogħlijiet li saru f’Kemmuna bi ksur tar-regoli.

Robert Cutajar kompla li l-gvern jinsab sieket quddiem l-abbużi fil-Victoria Lines u fis-Central Link u qal li l-bordijiet tal-ERA għandhom ikunu miftuħin kollha biex kulħadd ikun jaf kif ivvutaw il-membri.

Id-deputat Nazzjonalista Robert Cutajar kompla li l-persuna li tmexxi l-Awtorità tal-Ippjanar wera kemm hu bla viżjoni fl-ambjent. Jeħtieġ fl-awtoritajiet ikun hemm nies ta’ fibra.

Il-Gvern falla fil-miri ambjentali tiegħu fosthom li kien hemm deċiżjoni meħuda dwar konflitt ta’ interess f’rapport dwar l-inċineratur. Is-sit fejn dan l-inċineratur se jsir ingħażel bi proċess ivvizzjat fejn l-inċineratur hu ikbar mill-bżonnijiet li għandu l-pajjiż.

Robert Cutajar kompla li numru ta’ proġetti li suppost bdew jiffunzjonaw waqgħu lura, fosthom l-inċineratur. Hu sostna li l-gvern ma sabx bilanċ bejn l-ippjanar u l-iżvilupp u kompla li l-PN se jressaq mozzjoni oħra biex l-abbuż mill-entitajiet tal-gvern li qed jibqgħu għaddejjin u jaqtgħu s-siġar u jagħmlu x-xogħlijiet bla konsultazzjoni bl-iskuża li x-xogħlijiet ikunu ta’ emerġenza. Dan ġara f’Ħad Dingli u f’Kemmuna; il-Ministru għall-Ambjent baqa’ sieket quddiem dawn l-abbużi b’teħid ta’ art privata.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern iġib l-iskużi tal-Pjan Lokali tal-2006 u sostna li Gvern Nazzjonalista jagħmel l-ewwel park nazzjonali f’Għawdex f’Ħondoq ir-Rummien. Hu qal li kien ressaq disa’ każi ta’ abbużi ambjentali mill-entitajiet quddiem l-Ombudsman.