Lokali Parlament

Il-PN qed juri d-direzzjoni fl-ambjent

Il-Kap tal-PN Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Bernard Grech sostna fil-parlament llejla li fl-ambejnt il-PN qed juri d-direzzjoni u joffri proposti konkreti.

Meta kien qed jitkellem fil-parlament fid-dibattitu dwar l-Abbozz ta’ Liġi biex jemenda l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent, il-Kap tal-PN qal li l-PN qed iressaq proposti pro-attivi fl-ambjent u fuq kull suġġett kull ġimgħa.

Il-Ministru m’għandux pjani biex itejjeb is-sitwazzjoni diżastruża tal-pajjiż li kkrea l-gvern tiegħu, sostna Bernard Grech, li kompla li l-Ministru Farrugia jistħi minn dak li għamlu ta’ qablu fl-ambjent. Hu żied li l-PN qed jibgħat messaġġ b’saħħtu dwar l-ambjent għaliex jinteressah il-bniedem; l-ambjent hu kull fejn ikun il-bniedem.

Il-Kap tal-PN sostna li l-PL dejjem iwaħħal f’ħaddieħor għan-nuqqasijiet tiegħu fl-ambjent u kkritika lill-gvern għall-mod kif iqaċċat is-siġar. Il-gvern għandu jissielet kuljum biex ipoġġi l-ambjent Malti quddiem.

Hu sostna li l-Ministru għall-Ambjent missu approva dan l-abbozz li qed jagħti iktar trasparenza u qal li l-PN se jagħti prijorità lill-ambjent anki fil-programm elettorali.

Bernard Grech kompla li l-PN qed ifassal il-politika ambjentali tiegħu biex il-pajjiż isir ġawhra; dan isir bl-ideat u bil-kreattività. Il-PN se jieħu lil dan il-pajjiż ‘il quddiem u se jħabbar il-propostit tiegħu.

Il-Kap tal-PN kompla li l-poplu għamel il-parti fis-separazzjoni tal-iskart iżda l-gvern qed jerġa’ jħallat kollox flimkien. Hu appella biex il-gvern ibiddel din is-sistema u qal li l-pajjiż m’għandux jagħmel avvanzi għad-detriment tal-ambjent Malti.

Il-gvern għandu jagħti kas ikbar lill-bankini, lit-toroq, lill-kwalità tal-ħajja tan-nies, li l-iżvilupp jtlesta f’ħin raġonevoli u li ma jitħallew binjiet abbandunati. Il-PN tkellem dwar Ħondoq ir-Rummien fejn il-gvern m’għandux ideat iżda l-PN għandu l-ideat dwar dan is-sit.

Bernard Grech sostna li fil-passat il-gvern Nazzjonalista żbalja fl-ambjent iżda jaf kif jirrimedja; Ħondoq ir-Rummien jingħata lura lill-poplu Malti. Hu kompla li l-PN hu determinat li l-iżvilupp isir fejn għandu jsir, meta gandu jsiru u kif għandu jsiru iżda n-nies li jkunu qed jgħixu madwar jew biswit l-iżvilupp irid ikolhom id-drittijiet tagħhom imħarsa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-pajjiż għandu jkun sabiħ s-sena kollha u sostna li l-ambjent rurali, urban u kull ambjent ieħor huma prijorità. Fost dawn il-mod kif jgħixu n-nies, l-anzjani fid-djar residenzjali, il-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol u fl-enerġija fejn il-PN qed juri d-direzzjoni.

Il-PN tkellem ukoll dwar is-serq fl-enerġpija ġenerata mill-pannelli, sostna Bernard Grech, li kompla li l-gvern implimenta parti mill-proposta li għamel il-PN f’dan ir-rigward. Hu tkellem dwar l-enerġija u qal l-pajjiż għandu konferma li l-poplu qed jinsteraq fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Il-PN diġà wiegħed li jirrifonda lura madwar €50 miljun lura lill-poplu minn dan is-serq.

Il-Kap ta-PN sostna li dan hu abbozz li jagħti trasparenza u żied li l-gvern għandu jappoġġja dan l-abbozz. Hu sostna li minbarra s-saħħa, l-poplu għandu jkollu d-dinjità.