Internazzjonali

Iran: Rouhani ikompli jittama fi ftehim nukleari mal-Istati Uniti

Il-President tal-Iran, Hassan Rouhani, qal li kwalunkwe żblokk sinifikanti lejn ‘il-qawmien mill-ġdid’ tal-ftehim nukleari mal-Istati Uniti jirrikjedi ‘rieda tajba u sens ta’ impenn’ li jmorru ‘il hinn mill-poteri tiegħu.

Rouhani qed jittama li l-ftehim jista’ jintlaħaq qabel hu jispiċċa minn President f’Awwissu li ġej, iżda d-deċiżjoni finali relatata man-negozjati li għaddejjin bejn Tehran u l-komunità internazzjonali tiddependi fuq l-Ayatollah Ali Khamenei li hu l-Mexxej Suprem tal-Iran.

Hassan Rouhani kien strumentali ferm għall-ftehim nukleari tal-2015 li l-Iran kien laħaq mal-potenzi tad-dinja u li tilef mill-effettività wara li l-eks President Amerikan Donald Trump, snin ilu, iddeċieda li jirtira lill-Istati Uniti mill-patt storiku.

Il-President Iranjan qal li l-issues ewlenin mal-Istati Uniti, illum, huma prattikament solvuti u fadal biss xi kwistjonijiet żgħar li jeħtieġu xi ftit aktar żmien ta’ negozjati.

Hu qed jittama, intant, li l-amministrazzjoni preżenti f’Tehran tikkonkludi l-ħidma inkwistjoni qabel hu itemm il-Presidenza tiegħu.

L-Iranjani, fit-18 ta’ Ġunju, se jivvutaw għal President ġdid, wara li Rouhani serva l-massimu ta’ żewġ mandati konsekuttivi u li huma permessi taħt il-Kostituzzjoni Iżlamika tal-pajjiż.

Sadanittant, fi Vienna (fl-Awstrija) għadhom għaddejjin in-negozjati bejn l-Iran u l-pajjiżi li kienu ffirmaw il-ftehim tal-2015, fosthom ir-Renju Unit, iċ-Ċina, Franza, il-Ġermanja u r-Russja. L-Istati Uniti qed tipparteċipa indirettament fil-proċess u l-President Amerikan Joe Biden hu determinat li pajjiżu jkollu sehem importanti biex il-ftehim nukleari ‘jingħata nifs ġdid’ mill-aktar fis possibbli.