Il-Partiti tal-Oppożizzjoni Iżraeljani laħqu ftehim biex jiffurmaw Gvern ġdid għall-għaqda nazzjonali li, fost oħrajn, għandu jikkonkludi l-era tat-tmexxija ta’ Benjamin Netanyahu li ilu 12-il sena bħala Prim Ministru ta’ Iżrael.
Il-pass importanti lejn il-Gvern ġdid – li għad irid ikun ikkonfermat – tħabbar minn Yaid Lapid, il-Kap tal-Partit Yesh Atid taċ-ċentru u li kkonferma l-formazzjoni ta’ koalizzjoni magħmulha minn tmien gruppi politiċi.
Ir-rwol ta’ Prim Ministru mistenni jibbaża fuq sistema ta’ rotazzjoni u fejn hu maħsub li Naftali Bennett, li jmexxi lill-Partit Yamina tal-lemin, iservi f’dan ir-rwol qabel, imbagħad, jgħaddi r-riedni tal-pajjiż li Lapid f’perjodu ta’ żmien speċifiku.
Min-naħa tiegħu, Benjamin Netanyahu xorta waħda hu determinat li l-koalizzjoni ġdida ma tkunx realizzata u qed jattakka lill-‘Gvern ġdid tax-xellug’ bħala wieħed ‘perikoluż’. Netanyahu qed iħeġġeġ lill-membri tal-Knesset (Parlament) ‘li kienu eletti bil-voti tal-partitarji tal-lemin’ biex jopponu lil din il-koalizzjoni li għad trid tkun approvata minn vot speċjali fl-assemblea qabel il-ġurament tal-ħatra.
Il-vot mhux mistenni li jsir qabel xi jiem oħra u hemm kull possibbiltà li l-koalizzjoni li għadha kemm kienet iffurmata tibqa’, ftit jew wisq, staġnata jew f’pożizzjoni fejn ma tkunx tista’ tiffunzjona. Dan peress li hemm kull ċans li jibdlu l-ħsieb xi deputati li għalissa qalu li huma lesti biex jiffurmaw parti minnha.
Min-naħa tiegħu Yaid Lapid qal li informa lill-President Iżraeljan Reuven Rivlin dwar il-ftehim għall-koalizzjoni u wiegħed li l-Gvern ġdid għandu jaħdem għall-ġid tal-Iżraeljani kollha filwaqt li jipprova jnissel sens akbar ta’ għaqda fost is-sezzjonijiet kollha tas-soċjetà Iżraeljana.
Fl-aħħar sigħat, il-media Iżraeljana kienet anki mimlija b’ritratti u filmati ta’ Lapid, Bennett u Mansour Abbas, il-Kap tal-Partit ‘Raam’ Għarbi Islamist qegħdin jiffirmaw il-ftehim għal koalizzjoni li ħafna, qabel, kienu qed iqisuh bħala ‘impossibbli’.
Din hi l-ewwel darba f’għexieren ta’ snin li partit Għarbi-Iżraeljan issieħeb f’koalizzjoni Iżraeljana ta’ din ix-xorta. Intant, partiti oħra li jirrappreżentaw lill-Għarab Iżraeljani (li jikkostitwixxu mal-20 fil-mija tal-popolazzjoni) qalu li għandhom jopponu Gvern taħt it-tmexxija ta’ Naftali Bennett li ma jirrikonoxxix il-kunċett ta’ Stat tal-Palestina.
Il-President Rivlin, sadanittant, sejjaħ biex il-Parlament jiltaqa’ mill-aktar fis għall-vot ta’ fiduċja fil-koalizzjoni ġdida. Jekk din il-koalizzjoni ma tiksibx l-appoġġ tal-maġġoranza fil-Knesset ( ta’ 120 siġġu) hemm possibbiltà li Iżrael jiffaċċja ħames elezzjoni ġenerali f’sentejn.
Hu minnu wkoll li t-tmien partiti msieħba fil-koalizzjoni potenzjali jirrappreżentaw kull entità politika f’dan il-pajjiż u fil-verità, ftit għandhom aspetti komuni ħlief il-pjan ‘ġenerali’ biex Benjamin Netanyahu ma jkomplix bħala Prim Ministru Iżraeljan.
//= $special ?>