Lokali

“L-awtoritajiet għandhom jibdew jagħtu priorità lis-saħħa mentali u fiżika tar-residenti” – Flimkien għal Ambjent Aħjar

Flimkien għal Ambjent Aħjar qed joġġezzjona bil-qawwa għal PA 2845/21 għall-bini tal-uffiċini u ħanut fil-Ġonna tal-Gzira. Bini ta’ struttura bħal din fi ġnien pubbliku, li jeqred iż-żona tal-logħob tat-tfal, huwa għajb kontra r-residenti u tfal.

Il-proġett jikser ukoll il-Pjan Lokali tal-Portijiet tat-Tramuntana li jirrikonoxxi li faċilitajiet rikreattivi huma parti essenzjali mill-iżvilupp tal-komunità. Il-ġnien huwa importanti għas-saħħa tar-residenti tal-Gzira u ċ-ċittadini tal-bliet tal-madwar.

Fl-2006 diġà, l-NHLP kien iddikjara li “l-spazju miftuħa għall-pubbliku fiż-żona jidhru li huma baxxi ħafna”

Minn dakinhar il-promenade ġiet meħuda minn entitajiet kummerċjali b’lidos, kjoskijiet u kabini tal-biljetti waqt li il-bankini huma mblukkati minn imwejjed u siġġijiet tar-ristoranti.

Fi stqarrija, Flimkien għal Ambjent Aħjar saħqu li r-residenti Malta għejjew jisimgħu kliem vojt dwar ħajja sana, u d-drittijiet tat-tfal, meta l-interessi tagħhom huma konsistentement injorati minn negozji, żviluppaturi u l-awtoritajiet Maltin.

Il-Covid-19 uriet kif l-ispazji miftuħa huma essenzjali għas-saħħa fiżika u mentali, iżda s-sitwazzjoni sejra għall-agħar bil-ġurnata. L-awtoritajiet għandhom jibdew iwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom u jagħtu priorita’ lis-saħħa mentali u fiżika tar-residenti .