L-ebda pajjiżi ġodda — fosthom Malta — mhuma se jiżdiedu mal-lista l-ħadra ta’ pajjiżi biċ-ċertifikazzjoni li tippermetti biex it-turist Britanniku jqatta’ il-btajjel hemmhekk ‘taħt livell ta’ sigurtà aċċettabbli’.
Filwaqt li kien hemm stennija sostanzjali li Malta tkun inkluża ma’ din il-lista, l-indikazzjonijiet, għall-kuntrarju, huma li jerġa’ aktar pajjiżi se jiżdiedu mal-lista l-ħamra ta’ pajjiżi — u meta t-turist Britanniku qed ikun imwissi biex iżur dawn l-Istati biss ‘f’ċirkustanzi estremi’.
L-għażla ta’ pajjiż li jikkwalifika għall-hekk imsejħa lista l-ħadra tibbaża fuq analiżi tal-element ta’ sogru relatat ma’ diversi fatturi li jinkludu l-possibbiltà ta’ infezzjoni mill-varjanti tal-Covid; ir-rata tat-testijiet fuq in-nies u l-proporzjon ta’ każi pożittivi tal-coronavirus fost oħrajn,
Sadanittant l-indikazzjonijiet huma li l-istaġun tas-sajf jista’ ikun wieħed inċert għall-aħħar f’dak kollu li jirrigwarda l-ivvjaġġar internazzjonali.
Il-gżira ta’ Grenada fil-Karibew hi fost il-pajjiżi li ma kwalifikawx għall-green travel list tar-Renju Unit u l-Ministeru għat-Turiżmu tagħha qal li dan qed jitqies bħala daqqa ta’ ħarta kbira lis-setturi tal-ivvjaġġar u t-turiżmu. Fl-istess ħin, il-gżejjer ta’ Spanja u l-Greċja wkoll huma miċħuda mill-green status, bl-iżvilupp mistenni jaffettwa sew lill-programmi tat-turiżmu tal-pajjiżi inkwistjoni.
Żvilupp ieħor importanti jinvolvi lill-Portugall li spiċċa ‘relegat’ mill-green list għall-kategorija ‘amber’ u li jfisser li n-nies jistgħu jivvjaġġaw għal hemm biss għal raġunijiet essenzjali.
Is-Segretarju tas-Saħħa Britanniku Matt Hancock qal li jifhem li l-Britanniċi għandhom ħerqa kbira li jivvjaġġaw iżda spjega l-Gvern tiegħu għandu d-dmir li jżomm il-livell tas-sigurtà attwali akkost ta’ kollox meta l-pandemija għadha ‘il bogħod milli mitmuma.
Fl-istess ħin, Hancock, li kien qed ikellem lill-istampa qabel laqgħa għall-Ministri tas-Saħħa tal-G7, qal li l-politika internazzjonali li kienet miftehma għaċ-ċertifikazzjoni tal-vaċċin kontra l-Covid, magħrufa bħala l-vaccine passport, għadha pjuttost ‘il bogħod milli tkun implimentata.
//= $special ?>