Lokali Qorti

Probation għal żagħżugħ bi problema ta’ droga li seraq b’€60,000 f’deheb lin-nannuh

Żagħżugħ ta’ 18-il sena, bi problema akuta ta’ droga ingħata probation ta’ tliet snin mill-Maġistrat Charmaine Galea wara li ammetta li f’Mejju li għadda u fix-xhur ta’ qabel fil-Mosta seraq diversi biċċiet ta-deheb propjetà ta’ nannu li l-valur tiegħu jlaħħaq is-€60,000.

Meta waslet biex tagħti s-sentenza l-Qorti kkunsidrat diversi fatturi fosthom li kkopera mal-Pulizija u għandu kondotta nadifa. Ħadet ukoll inkonsiderazzjoni li l-vittma huwa n-nannu tal-impuata u li huwa abbuża mill-fiduċja tiegħu u li minħabba dan l-inċident huwa ġie anke affettwat f’saħħtu.

Konsiderazzjonijiet oħra li ħadet il-Qorti huma l-età tenera taż-żagħżugħ li għadu kemm għalaq it-18-il sena u l-gravità tar-reat. Il-Maġistrat Galea qalet li hija tal-fehma li piena ta’ ħabs mhux l-aħhar triq f’dan l-istadju, madankollu jrid joqgħod ferm attent li ma jwettaqx reat ieħor fil-futur, għax inkella jkun qed jarmi l-opportunità mogħtija lilu.

Il-Qorti fliet ukoll ir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation, Ritianne Sultana Grech dwar il-problemi li għaddej minnhom il-ħati. Fil-fatt il-Qorti ħarġet ordni ta’ trattament sabiex huwa jieħu l-kura li hemm bżonn biex jeħles mill-vizzju tad-droga. Il-Qorti ordnatlu wkoll biex iħallas lin-nannuh is-€60,000 dovuti lilu.

Kopja tal-ordni tal-probation ngħatat minnufih lill-imputat u saret notifika lid-Direttur tas-Servizzi tal-Probation Parole sabiex dan jassenja uffiċjal tal-probation li jkun responsabbli għas-sorveljanza taż-żagħżugħ. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Ryan Vella.

Ikkummenta