Għawdex Lokali

Tħassib dwar is-sitwazzjoni fil-Qorti ta’ Għawdex

Il-Partit Nazzjonalista juri t-tħassib tiegħu dwar il-qagħda fil-Qorti ta’ Għawdex u juri
solidarjetà sħiħa mal-avukati, impjegati u kull min ikollu bżonn jersaq lejn il-qorti.
Il-qagħda fil-qorti ta’ Għawdex tant saret insostenibbli illi l-avukati li jipprattikaw fiha
ddeċidew illi ma jattendux aktar għas-seduti sakemm jiġu ndirizzati n-nuqqasijiet li jeżistu.

Fi stqarrija, id-Deputati tal-PN minn Għawdex, il-Kelliem għal Għawdex Chris Said, il-Kelliem għal-Ġustizzja Joseph Ellis u l-Kelliem għall-Fondi Ewropej Kevin Cutajar qalu li biż-żieda fil-volum ta’ xogħol, il-bini tal-Qorti ta’ Għawdex ilu għal ħafna snin totalment inadekwat għall-ħtiġijiet tal-lum. Minkejja bosta wegħdiet u nfiq ta’ ħafna flus fi studji u applikazzjonijiet għall-permessi, il-Gvern għadu sal-lum ma identifikax sit ġdid għall-Qorti ta’ Għawdex u l-anqas kompla jiżviluppa l-pjanijiet tal-Gvern Nazzjonalista sabiex jinbena bini ġdid għall-Qorti ta’ Għawdex.


L-anqas jidher li hemm ħeġġa min-naħa tal-Ministeru għal Għawdex sabiex jitwettaq dan ilproġett. Dan minkejja illi l-limitazzjonijiet tas-sit preżenti huma magħrufa ma’ kulħadd u lpoplu jgħaddi minn ħafna tbatija sabiex ikun jista’ jasal il-Qorti ta’ Għawdex. Barra minn hekk, minn xi snin ‘l hawn, u speċjalment wara li twaqfet l-Aġenzija għas-Servizzi
tal-Qorti illi ħadet f’idejha l-impjegati tal-Qorti minflok il-Ministeru għal Għawdex, il-Qorti ta’ Għawdex ġiet imċaħda mir-riżorsi umani meħtieġa sabiex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha

Riċentement, bosta mpjegati Għawdxin li kienu jaħdmu l-Qorti Malta ġew trasferiti lejn Għawdex imma f’dipartimenti oħra barra l-Qorti minkejja illi l-bżonnijiet il-Qorti huma kbar. Sa ftit snin ilu, il-Qorti ta’ Għawdex kien xempju ta’ effiċjenza kif kien jaf kulħadd imma dan ma baqax il-każ wara t-twaqqif tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qorti. Il-qagħda attwali filQorti ta’ Għawdex hi turija ċara tal-falliment tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati li m’hix tiddedika r-riżorsi meħtieġa sabiex il-Qorti ta’ Għawdex jiffunzjona kif għandu jkun.


Dan kollu juri n-nuqqas ta’ interess u mpenn min-naħa tal-Gvern u speċjalment il-Ministeri talĠustizzja u ta’ Għawdex li ħallew il-problemi fil-Qorti jakkumulaw mingħajr ma jagħtu każ u
fuq kollox, dan juri kemm hu Gvern maqtugħ mir-realtà