Internazzjonali

Belarus: Ifaħħar lil Lukashenko waqt ammissjoni x’aktarx dovuta għal tortura

Il-ġurnalista tal-Belarus li kien arrestat f’Minsk xi jiem ilu ‘ammetta’, waqt xandira, li kien strumentali fl-organizzazzjoni ta’ protesti kontra l-Gvern ta’ pajjiżu. Madankollu, qrabatu, wara, insistew hu kien sfurzat biex jgħid hekk, fost indikazzjonijietli l-ġurnalista kien qed ibati mill-‘effetti ta’ tortura’.

Roman Protasevich, il-ġurnalista ta’ 26 sena, kien arrestat f’Minsk ix-xahar li għadda wara li l-ajruplan li kien qed iwasslu lejn il-Litwanja ddawwar lura lejn il-Belarus bl-iskuża li kien hemm bomba abbord.  Protasevich, magħruf bħala kritiku kbir tal-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, inżamm mill-qawwiet tas-sigurtà dritt wara l-inżul tal-ajruplan f’dak il-pajjiż u meta hu mniżżel fuq lista ta’ Minsk ‘għal individwi involuti f’attivitajiet terroristiċi’.

Ftit tas-sigħat ilu, Protasevich tkellem fi stat imbikkem fuq it-Televiżjoni tal-Istat, fejn, faħħar lil Lukashenko u qal li hu kien ipprova jwaqqgħu mill-poter.

Waqt l-intervista, il-ġurnalista deher bil-marki viżibbli ma’ idejh – bl-attivisti tal-Oppożizzjoni flimkien mad-difensuri tad-drittijiet umani qed jabqlu li Protasevich spiċċa suġġett għal tortura.

Fl-intervista, Protasevich qal li kien qed jitkellem volontarjament u li għalkemm hu, fil-passat, kien ikkritika lil Lukashenko,  ‘illum qed jirrispetta lill-President għaliex jifhem li hu  qed jaġixxi bl-aħjar mod għal pajjiżu’. Fl-aħħar tal-intervista, il-ġurnalista infexx f’bikja u esprima tama li hum, xi darba, ikun jista’ jiżżewweġ u jrabbi familja..

Il-Belarus ilu maħkum mit-tensjoni politika mis-sajf li għadda, meta Lukashenko insista li kien rebaħ l-elezzjoni għall-Presidenza minkejja l-akkużi (anki fuq livell internazzjonali) li l-vot kien imbagħbas. Ir-riżultat wassal għal protesti tal-massa fil-Belarus, bil-qawwiet tas-sigurtà jrażżnu d-dimostrazzjonijiet u b’diversi kapijiet tal-Oppożizzjoni jispiċċaw il-ħabs inkella kostretti għal ħajja f’eżilju.