Internazzjonali

Covid-19: Il-Portugall jikkuntesta t-tneħħija mill-Green List tar-Renju Unit

L-awtoritajiet fil-Portugall qed jikkuntestaw id-deċiżjoni tar-Renju Unit biex pajjiżhom jitneħħa mill-Green List ta’ pajjiżi ftit jew wisq ‘sikuri’ u, minflok, jitqiegħed fil-kategorija ‘Amber’ f’dak li jirrigwarda l-ivvjaġġar.

It-trasferiment tal-Portugall għal ‘Amber’ ifisser li t-turisti Britanniċi mgħandhomx iżuru dan il-pajjiż fid-dawl tat-theddida mill-varjanti tal-Covid. Fl-istess ħin, il-Britanniċi li jirritornaw pajjiżhom mill-Portugall ikunu jridu jgħixu f’iżolament għal għaxart ijiem.

Is-Segretarju Britanniku għat-Trasport, Grant Schapps, meta tkellem dwar din is-sitwazzjoni, irrefera għal żieda fil-każi tal-Covid fil-Portugall kif ukoll għal varjant – jew mutation – partikulari tal-virus li nstab f’dak il-pajjiż.

Dan meta l-kumpanija Britannika tal-ivvjaġġar Tui qalet li mal-50 fil-mija tal-klijenti tagħha li mistennija jżuru l-Portugall matul dan ix-xahar mhumiex beħsiebhom iħassru din is-safra.

Sadanittant, l-awtoritajiet u deputati tal-Gvern fil-Portugall qalu li ma jistgħux jaraw il-loġika għalfejn ir-Renju Unit neħħa pajjiżhom mill-Green List ta’ pajjiżi. Din il-lista tirrikjedi li n-nies li jivvjaġġaw mill-Istati f’din il-kategorija isirulhom it-testijiet li hemm bżonn iżda mingħajr il-ħtieġa li huma jinżammu taħt kwarantina malli jitilqu lura lejn id-dar.

Uħud mid-deputati Portugiżi qalu li filwaqt li kien hemm żieda tal-każi tal-virus fil-kapitali Lisbona, ir-rata tat-trasmissjoni ‘hi ftit jew wisq simili għal tar-Renju Unit’ u meta l-Portugiżi qegħdin iħarsu l-kriterji tas-sigurtà kollha fiċ-ċirkustanzi.

Intant, seba’ pajjiżi – l-Afganistan, il-Bahrain, il-Kosta Rika, l-Eġittu, is-Sri Lanka, is-Sudan u Trinidad & Tobago – żdiedu mar-Red List tar-Renju Unit li tfassal għall-pajjiżi ‘fejn is-sogru relatat mal-firxa tal-coronavirus ilaħħaq mal-massimu’.