Internazzjonali

Covid-19: Il-White House jiddefendi lil Anthony Fauci fost allegazzjonijiet li seta ħeba l-veru rwol taċ-Ċina fil-firxa tal-virus

Il-White House ta’ Washington qed jiddefendi lil Anthony Fauci – il-konsulent ewlieni tal-President tal-Istati Uniti dwar il-pandemija — fost allegazzjonijiet li hu seta’ kien parti minn ‘kumplott’ biex ma jkunx żvelat ‘il-veru sehem taċ-Ċina fil-firxa fatali tal-Covid-19’.

Dan meta l-kritiċi konservattivi fl-Istati Uniti qed jissuġġerixxu li Fauci – li għal xhur sħaħ kien involut fil-battibekki mal-eks President Amerikan Donald Trump – seta kien parti minn ‘cover up’, b’uħud anki jallegaw li dan l-espert ewlieni spiċċa wkoll jieħu ġurament falz meta kien qed jaġġorna lill-Kungress Amerikan dwar l-impatt tal-virus.

Anthony Fauci, mill-bidu tal-pandemija ‘il hawn, kien ‘il-wiċċ’ tal-kampanja tal-Istati Uniti fil-konfront tal-Covid-19 u fejn hu kien imfaħħar u kritikat fuq l-istess livell.

Intant, u filwaqt li s-Segretarju Stampa tal-White House, Jen Psaki, qalet li Fauci kien strumentali fl-impenji tal-Istati Uniti biex trażżan l-effetti tal-coronavirus, numru ta’ emails ta’ Fauci li kienu żvelati xi jiem ilu qajjmu dubji jekk hu appoġġjax ‘b’ċerta qawwa’ iċ-ċaħda taċ-Ċina li l-coronavirus seta ħareġ minn laboratorju fl-inħawi ta’ Wuhan.

L-emails ta’ Fauci fir-rigward tal-pandemija ħarġu din il-ġimgħa għall-iskrutinju tal-media u dan l-espert ewlieni, issa, qed jgħid li uħud mill-emails partikulari kienu interpretati b’mod qarrieqi u li hu ‘dejjem żamm miftuħa kull possibbiltà’ dwar l-oriġini tal-virus’

Intant, il-White House – ‘b’mod partikulari l-President tal-Istati Uniti ( Joe Biden)’ – stqarr li ‘Antony Fauci kellu rwol inkredibbli fl-isforzi biex il-pandemija tinġieb taħt kontroll u fejn hu (Fauci) serva wkoll bħala kuntatt siewi mal-pubbliku fl-aħħar xhur diffiċli’.

Madankollu – u filwaqt li mhemm l-ebda prova li l-Covid-19 oriġina f’laboratorju Ċiniż għall-iżvilupp tal-armi biokimiċi – il-President Biden ordna li ċ-ċirkustanzi jkunu suġġetti għal analiżi oħra bir-reqqa, fost ir-rabja taċ-Ċina li qed tiċħad assolutament għat-teorija speċifika.

L-awtoritajiet Ċiniżi għadhom qed jorbtu l-ewwel każi tal-Covid-19 ma’ suq li jbiegħ il-ħut u speċi ta’ annimali slavaġ fl-inħawi ta’ Wuhan. Dan ukoll meta x-xjenzati, fl-aħħar xhur, studjaw bir-reqqa t-teorija li l-virus qattiel kien trasmess lill-bniedem mill-annimali.

Iżda hu minnu wkoll li l-aħħar rapporti mill-Istati Uniti indikaw aktar sinjali’ li l-virus, minflok, seta’ ħareġ minn laboratorju ta’ Wuhan – u fejn mhux qed jiġi eskluż li l-oriġini vera tal-pandemija seħħet minn xi leak aċċidentali.

Min-naħa tiegħu, l-eks President Amerikan, Donald Trump, ma tilifx żmien biex jikkummenta dwar l-aħħar żviluppi u qed isostni li ‘Fauci, issa, għandu r-responsabbiltà li jwieġeb għal ħafna domandi’.

Dan meta Trump, is-sena l-oħra, kien ikkritikat u kkundannat minn diversi esperti u awtoritajiet wara li hu qajjem il-possibbiltà li l-Covid-19 ħareġ ‘speċifikament’ mil-laboratorju ta’ Wuhan.

Fl-istess ħin Trump qed jissuġġerixxi li ‘iċ-Ċina  għandha tħallas somma ekwivalenti għal għaxar triljun dollaru lill-Istati Uniti u lid-dinja għall-imwiet u l-qerda li kkaġunat’ – bil-Gvern komunista Ċiniż qed ikompli jiċħad it-teorija dwar il-leak mil-laboratorju bħala ‘estremament impossibbli’.