Lokali Qorti

Ħasla lill-Prosekuzzjoni mill-Qorti fil-każ tal-aħwa Dalli

Il-Qorti li qed tisma’ l-evidenza fil-konfront tat-tfal bniet tal-eks Kummissarju għal Unjoni Ewropea John Dalli fuq akkużi ta’miżappropjazzjoni ta’ fondi, frodi, li għamlu dikjarazzjoni falza lil awtorita’ pubblika u falsifikazzjoni ta’ dokumenti tagħat ħasla lill Prosekuzzjoni għall-fatt li huma tressqu l-qorti għal xejn peress li la l-Avukat Ġenerali u lanqas il-Pulizija ma kienu konxji ta’ x’evidenza għad trid tiġi ppreżentata.

L-akkużati Louise Dalli u Claire Gauci Borda huma mixlija bl-hekk imsejjħa skema ponzi ( li hija scam ta’ investimenti ta’ frodi fuq investituri preċedenti bi flus meħuda minn aktar tard). Separatament Claire Gauci Borda qed tiġi mixlija li kisret l-Att Dwar il-Ħasil ta’ Flus u li ffinanzjat it-terroriżmu. Hija mixlija wkoll li naqqset milli taqdi dmirijieta b’mod professjonali bħala “accountant” u awditur.

Dwar l0iskema ponzi din kienet irrappurtata għall-ewwel darba mill-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia lura fl-2015, u li kienet allegatament immexxija minn Marie Eloise Corbin Klein, li operat taħt numru ta’ psewdonimi. Il-mara ġiet investigata aktar tard mill-FBI talli allegatament b’qerq iffrodat numru ta’ Amerikani b’madwar $600,000 billi ppożatat bħala missjunarja Nisranija u kkonvinċithom biex jinvestu t-tfaddil tagħhom fi proġett tal-minjieri Afrikani.

Minflok il-flus inġabru f’żewġ kumpaniji Maltin – Tire Ltd u Corporate Group – proprjetà ta’ Louise Dalli u Claire Gauci Borda, iż-żewġt itfal ta’ Dalli, u li huma rreġistrati fl-indirizz tad-dar ta’ John Dalli f’Portomaso. Il-Qorti għandha tiddeċiedi fuq talba mressqa mill-avukat difensur Stefano Filletti biex l-prosekuzzjoni turi ittra mibgħuta mill-OLAF, li fetħet l-investigazzjoni.

Fl-aħħar seduta, il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo semgħet lill-prosekuzzjoni tiddikjara li kellha fil-pussess tagħha numru ta’ kaxxi ta’ provi ssiġillati, iżda ma kinitx taf x’kien fihom jew jekk il-kontenut tagħhom kienx relevanti għall-każ in kwistjoni.

L-Ispettur tal-prosekuzzjoni ddikjara li l-każ ġie mgħoddi lilhom u għadhom ma kinux aġġornati dwar il-fatti u l-provi li kellhom jiġu ppreżentati. Il-qorti ġiet infurmata wkoll li l-AG ma kinitx taf b’dawn il-problemi. Il-Prosekuzzjoni ddikjarat li kienet ippreżentat applikazzjoni li titlob kopja tal-atti tal-inkjesta Maġisterjali u li għadha ma ngħatatx ​​lilha.

Filwaqt li ddeplorat l-fatt li s-seduta saret għal xejn, il-Qorti ċanfret lill-prosekuzzjoni talli ġabet il-partijiet lura l-qorti għal xejn, u rrimarkat li l-akkużi li l-imputati kienu qed jiffaċċjaw kienu serji. Il-Qorti ordnat lill-Prosekuzzjoni tipprovdiha b’lista tal-provi u x-xhieda kollha li għad iridu jinstemgħu f’dan il-każ mis-seduta li jmiss.