Lokali

“Id-demokrazzija m’għandiex tintilef fil-Mali” – PN

“Il-Partit Nazzjonalista jingħaqad ma’ diversi partiti oħra fil-kundanna tat-tieni kolp ta’ Stat militari li seħħ fit-28 ta’ Mejju fil-Mali. M’għandux jkun li pajjiż membru tal-Unjoni Afrikana u tal-ECOWAS li għandu rabtiet importanti f’reġjun vitali u viċin tagħna jaqbad mill-ġdid it-triq tad-dittatura.”

Hu dan li ħareġ minn stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Affarijiet Barranin u Ewropej, Carm Mifsud Bonnici u s-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista, Roselyn Borg Knight f’isem il-Partit Nazzjonalista.

F’dan il-Partit Nazzjonalista jaqbel mad-deċiżjoni li ttieħdet minn dawn iż-żewġ organizzazzjonijiet li l-isħubija tal-Mali tiġi sospiża. Jaqbel ukoll mad-deċiżjoni tal-Unjoni Afrikana li jittieħdu sanzjonijiet jekk ma jkunx hemm lura fil-poter Gvern Ċivili u demokratiku li jiehħ l-istat f’idejh.

Huwa mill-iktar perikoluż u theddida ghall-istabbilitá li l-militar jkollu l-pajjiż taħtu . Għax dan jaf ikollu effetti akbar fir-reġjun kollu b’kunflitti u żieda f’persuni li jiġu sfurzati jaħirbu minn pajjiżhom.

Għalhekk filwaqt li l-PN jikkundanna dan l-aġir anti-demokratiku jawgura li s-sens komun jirbaħ u jittieħdu passi diplomatiċi neċessarji sabiex l-proċess demokratiku jiġi lura mill-ġdid.