Enerġija Lokali

Il-Gvern jibqa’ mingħajr soluzzjoni dwar is-serq fil-kontijiet

Il-Gvern Laburista għadu mingħajr soluzzjoni għall-familji Maltin u Għawdxin fir-rigward tas-serq li qed isir fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Dan ikkonfermatu l-Ministru inkarigata minn dan is-settur, Miriam Dalli, li waqt dibattitu fuq ix-xandir nazzjonali qalet li għadha qed tara hemmx bżonn li s-sistema tal-ħlas tal-kontijiet tad-dawl titranġa.

U filwaqt li rapport tal-Awditur Ġenerali li se jkun ippublikat dalwaqt juri li l-familji Maltin u Għawdxin insterqu madwar 50 miljun Ewro mill-Gvern Laburista, il-Ministru, minflokk ammettiet jew offriet soluzzjoni, infexxet f’attakk fuq il-PN. U saħansittra qalet li qed jipperikola l-impjiegi meta jitkellem dwar din is-sitwazzjoni.

Il-mod kif qed jigu kkalkulati l-kontijiet tad-dawl u l-ilma qed ifisser li fil-peaks tal-użu tal-elettriku, il-poplu Malti u Għawdxi qed jispiċċa jħallas iktar milli kien iħallas bis-sistema preċedenti li kienet titħaddem taht Gvern Nazzjonalista. Dan filwaqt li l-poplu mhux jieħu l-benefiċċji marbuta mal-eco-reduction li kien inċentiva l-PN.

Il-poplu s’issa insteraq 50miljun Ewro fuq medda ta’ 8 snin li fihom ilu jigverna l-Partit Laburista.. minhabba li dik li Joseph Muscat sejħilha “anomalija” fl-2018, baqgħet ma tranġatx. Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne, aktar kmieni din il-ġimgħa, spiċċa ammetta li hemm xi haġa ħazina u stqarr li minn naħa tiegħu jaqbel li tinstab soluzzjoni.

Iżda b’kuntrast, il-Ministru tal-Energija għamlet dibattitu sħiħ taħrab milli tammetti li l-poplu Malti u Għawdxi qed jinsteraq. Dan jikkuntrasta wkoll mal-mijiet ta’ persuni li resqu għand il-PN bil-kontijiet tagħhom.

Filwaqt li l-Gvern Laburista għadu mingħajr soluzzjoni u filwaqt li Miriam Dalli saħqet li għadha se tara hemmx problema fil-kontijiet, il-Partit Nazzjonalista diġa sab soluzzjoni konkreta u saħasittra għandu proposti li mhux biss jrodd il-flus misruqa lura iżda wkoll iwaqqaf din l-anomalija għal kollox.