Lokali

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech b’appell qawwi favur l-għaqda nazzjonali

“Biex nagħmlu bidliet qawwijin u tajbin, irridu nkunu sinċieri u ġenwini, nitkellmu ċar dwar il-qagħda ta’ pajjiżna, u mbagħad hu kruċjali li nwettqu dak li nafu li hu meħtieġ. Min hu ġenwin jaf sewwa x’inhu dak li rridu niżbru mis-sistema politika tagħna u x’għandna nxettlu fiha. Ejja ma nonqsux lil pajjiżna billi jonqosna l-kuraġġ.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta indirizza l-gheluq tal-konferenża bl-isem “L-Istat tan-Nazzjon” organizzata mill-Uffiċju tal-President ta’ Malta George Vella.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni semma’ fost l-ohrajn kemm huwa kruċjali u importanti li jkollna stazzjon tax-xandir pubbliku verament awtonomu, fejn kulħadd ikun jista’ iwassal leħnu.

Dwar il-finanzjament tal-partiti, Bernard Grech semma’ mudelli li jintuzaw anke f’pajjizi ohra…fejn l-Istat jiffinanzja hu lill-partiti politiċi, u dawn ma jistgħux jiġbru – anzi, jonfqu biss dak li jagħtihom l-Istat, u dan b’awditjar bir-reqqa.

Hu semma’ wkoll l-importanza li jkollna istituzzjonijiet li jaħdmu tassew, billi l-ewwel nett jaġixxu bla dewmien, u jiddefendu lill-poplu, mhux lis-setgħana li jabbużaw.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech fakkar f’diversi ġrajjiet li kulħadd jammetti li xeħtu dell ikrah fuq il-politika Maltija. Huwa sostna li illum il-ġurnata, hemm firxa wiesgħa ta’ Maltin u Għawdxin li għandhom dubji kbar jekk min ikollu l-poter ikunx ġenwin … inkella jkunx fil-fatt qed ifittex li jisraq, jixxaħħam u, jekk jinkixef, joqtol lil min kixfu ħalli la toħroġ il-verità u lanqas issir ġustizzja.

Bernard Grech tenna li jekk xi ħadd irid jisraq, jixxaħħam u joqtol, mhux postu fil-politika imma postu quddiem il-ġustizzja.

Il-Kap tal-Oppoziżżjoni jħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi sabiex ikun kuraġġuż …u nahdmu flimkien favur l-għaqda nazzjonali.